Christian Said, magħruf bħala ‘x-Xewka’, ta’ 40 sena, mill-Fgura, u li jaħdem fis-settur tal-kostruzzjoni, tressaq il-Qorti, mixli li kkawża ġrieħi gravi, meta ħebb għal żagħżugħ ta’ 25 sena b’sikkina.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
L-allegat każ seħħ nhar is-17 ta’ Novembru, fejn il-Klabb tal-Boċċi, fi Triq Pace u Grasso fil-Fgura.
Fil-Qorti, ppreseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi, intqal li ż-żagħżugħ sofra xi ġrieħi permezz ta’ sikkina, fuq idejh u fuq il-polz, filwaqt li qal lill-Pulizija li huwa kien involut f’argument, Dan filwaqt li l-imputat allegatament ħarab minn fuq il-post.
Intqal li aktar tard, il-Pulizija tal-Komunità, li assistew ukoll fil-post fejn sar l-allegat reat wara li semgħu xi għajjat , rawh għaddej b’sikkina f’idu.
Il-Prosekuzzjoni, spjegat kif il-Pulizija marret sabiex tarrestah fir-residenza t’ommu, fejn irriżulta li ma kienx hemm. Aktar tard huwa mar fl-għassa ta’ Raħal Ġdid, minn jeddu, fejn ġie arrestat.
Id-difiża, mmexxija mill-Avukati José Herrera u Matthew Xuereb għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, liema talba għandha tiġi deċiża fis-seduta li ġejja.
Din it-talba sabet l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni, hekk kif hemm il-biżá ta’ intralċ tal-provi, anke hekk kif jgħix fil-viċin tal-post fejn seħħet l-allegat aggressjoni, u għad hemm xhieda u l-vittma li għadhom iridu jixhdu. Dan filwaqt li huwa kiser żewġ ordnijiet tal-bail, fosthom fuq reat simili.
Saret ukoll talba sabiex issir vista minn tabib, minħabba xi ġrieħi viżibbli li għandu l-imputat, li huma diġà magħluqa. Huwa ntalab juri tali ġrieħi wkoll fil-Qorti u b’hekk il-Qorti ordnat li jittieħed f’Ċentru tas-Saħħa mill-aktar fis possibli, sabiex dawn il-ġrieħi jiġu dokumentati.