Ix-xahar li għadda kien l-aktar Ottubru xott fuq ir-rekords tal-Uffiċċju Meteoroloġiku.
Dan ħareġ li f’Ottubru tkejlu biss 0.2mm xita u dan meta n-norma klimatika għal Ottubru hija ta’ 77.6mm.
Dan it-temp xott kien akkumpanjat minn temperaturi aktar sħan minn dawk li normalment nesperjenzaw f’dan iż-żmien tas-sena, hekk kif żona ta’ pressjoni baxxa baqgħet għal żmien twil stabbli fuq il-Mediterran.
It-temp kien pjuttost stabbli u sabiħ matul ix-xahar kollu, waqt li t-temperaturi komplew jitilgħu hekk kif nefaħ fuq il-gżejjer Maltin riħ mid-Deżert Saħara.
Riżultat ta’ dan, it-temperatura medja kienet dik ta’ 23.9°C, jiġifieri 2.2°C ogħla min-norma klimatika.
Filwaqt li l-ogħla temperatura matul ix-xahar li għadda laħqet il-31.7°C fit-18-il jum, l-aktar ġurnata sħuna qatt irreġistrata f’Ottubru tibqa’ dik tas-27 ta’ Ottubru tal-1999.
Dakinhar, l-ogħla temperatura kienet telgħet sa 34.5°C.
Mill-banda l-oħra, l-aktar temperatura baxxa matul Ottubru li għadda tkejlet fil-15 tax-xahar meta niżlet għal 17.8°C. It-temperatura medja f’wiċċ il-baħar kienet dik ta’ 25.7°C, jiġifieri ftit ogħla min-norma klimatika ta’ 24°C.
It-temperaturi għolja tax-xahar li għadda kienu akkumpanjati wkoll minn 259.3 sigħat xemxin. Dan ifisser li l-gżejjer Maltin gawdew minn 41.6 siegħa xemxija aktar min-norma klimatika. L-aktar ġranet xemxin kienu d-9 u l-14 tax-xahar, hekk kif matul dawn il-jiem tkejlu 10.2 sigħat xemxin.
Il-25 ta’ Ottubru kien l-aktar jum mudlam, hekk kif dakinhar ix-xemx baqgħet għal kollox mistura wara s-sħab.
Il-koperatura medja tas-sħab kienet ta’ 1.8 oktas, jiġifieri inqas min-norma klimatika ta’ 3.7 oktas. Ottubru li għadda kien ukoll xi ftit inqas mirjieħ min-norma.
Fil-fatt, il-qawwa medja tar-riħ matul ix-xahar li għadda kienet ta’ 6.5 knots, jew 0.9 knots inqas min-norma klimatika.
L-aktar buffura b’saħħitha laħqet id-29 knots u nefħet fuq il-gżejjer Maltin min-Nofs in-Nhar Kwarta Lbiċ fl-20 ta’ Ottubru.