74 ħaddiem soċjali issa jistgħu jibdew jipprattikaw il-professjoni ta’ social worker, hekk kif ingħataw il-warrant.
Dawn il-warrants ġew ippreżentati mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon.
Dan il-kors, li jieħu medda ta’ erba’ snin, ma jinkludix biss teorija imma anke sigħat sħaħ ta’ prattika f’diversi oqsma soċjali fil-komunità.
F’pajjiżna hawn mas-seba’ mitt ħaddiem soċjali li qed jaħdmu fuq bażi full-time, waqt li aktar studenti jinsabu fil-perjodu t’esperjenza tax-xogħol ta’ sentejn, qabel ma jingħataw il-warrant.
Il-Ministru Falzon qal li dawn il-ħaddiema jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies.
Spjega kif dan il-Gvern qed ikompli jinvesti fis-settur, tant li żied l-istipendju għal mija sebgħa u tmenin ewro (€187) kull erba’ ġimgħat.
Iċ-Chairperson tal-Bord tas-Social Workers Mike Orland tenna li l-professjonijiet soċjali jagħtu l-aqwa servizz ħolistiku lill-klijenti.
Juan Jorge Vella, li ngħata l-warrant biex issa jista’ jipprattika bħala social worker, esprima s-sodisfazzjon li ġġib magħha din il-professjoni.
Qal, “Bħala xogħol huwa fulfilling ħafna, tħoss il-polz tan-nies, titkellem magħhom, tara kif tista’ tgħinhom f’aspetti differenti tal-ħajja tagħhom, diffikultajiet. Qed tieħu xi ħaġa u tagħti xi ħaġa.”