Projects Malta Ltd, l-entita’ governattiva li taħdem fuq proġetti konġunti bejn Gvern u Privat ġiet shortlisted bħala finalista fil-Partnership Awards tal-2017 li se jsiru f’Londra f’Mejju li ġej.
B’kollox kien hemm aktar minn 100 sottomissjoni għal dawn l-Awards internazzjonali u qed ikunu ġġudikati proġetti mill-Ewropa, mill-Asja u mill-Afrika. L-Awards jagħtu ġieh lis-settur privat u lil entitatjiet governattivi li jkunu wettqu ħidma importanti fuq il-mudell ta’ xogħol konġunt bejn Gvern u Privat.
F’riżultati li tħabbru lbieraħ sar magħruf li Projects Malta, qed tkun rikonoxxuta fil-kategorija ‘Government PPP Promoter of the Year’ għall-fatt li bħala entita’ governattiva emmnet u ppromwoviet il-kunċett ta’ Public Private Partnerships.
Il-finalisti f’din il-kategorija huma:
- National Development Finance Agency, Ireland
- Projects Malta
- Rijkswaterstaat, Netherlands
- Scottish Futures Trust
Biex waslet għal dan l-istadju l-kumpanija Projects Malta, għal dawn l-aħħar tliet snin bagħtet messaġġ li Malta tassew temmen fis-settur privat.
Il-proġetti li promwoviet Projects Malta fl-2016 kienu: Transportation Links (Soluzzjoni ta’ trasport alternattiv bejn il-Port il-Kbir u l-inħawi ta’ madwar iż-żoni tal-Port ta’ Marsamxett), soluzzjoni ta’ parkeġġ u spazji miftuħa fil-Mosta, l-investiment fl-Isptarijiet St Lukes, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, l-investiment li jattira turiżmu ġdid fis-sit tal-ITS f’San Ġiljan u The Mrieħel Enterprise Zone Foundation.
Iż-żewġ proġetti ewlenin li qed tkun ġudikata fuqhom Projects Malta huma: dak li jipprovdi soluzzjoni ta’ trasport bejn il-Port il-Kbir u ż-żoni ta’ madwar il-Port ta’ Marsamxett u l-ieħor il-proġett ta’ The Imrieħel Enterprise Zone Foundation.
Il-Ministru Konrad Mizzi rringrazzja lit-tim ta’ Projects Malta għall-inizjattiva li qed juru biex is-settur privat ikompli jaħdem mal-Gvern biex joffri servizzi aħjar lill-Poplu Malti u Għawdxi u għall-familji u n-negozji.