Il-pika bejn l-unjins, li jirrappreżentaw lill-għalliema, wasslet biex il-Malta Union of Teachers (MUT) tiftaħ proċeduri legali kontra l-Union of Professional Educators (UPE).
Bħalissa hemm negozjati għal ftehim settorjali ġdid u minkejja li l-Gvern qed jagħmel offerti madwar il-mejda, l-MUT sejħet numru ta’ azzjonijiet industrijali fosthom strajk. Il-UPE staqsiet fl-aħħar jiem għaliex l-MUT qed issejjaħ dan l-istrajk u għamlet numru ta’ domandi lill-MUT. Jidher li l-MUT din xejn ma ħaditha tajjeb u s-Sibt ħabbret li bdiet proċeduri ta’ libell fil-Qorti kontra l-UPE.
L-MUT qalet li l-UPE mhix mal-mejda tan-negozjati u dan ma jagħtiha l-ebda dritt li tagħmel allegazzjonijiet malafamanti fuqha u fuq it-tmexxija tagħha. Qalet ukoll li ntqalu affarijiet mhux minnhom dwar il-proċess ta’ negozjati bejn l-MUT u l-Gvern.
F’waħda mill-ewwel dikjarazzjonijiet tagħha, il-UPE kienet qalet li l-Gvern qed joffri biss żieda ta’ tnejn fil-mija, xi ħaġa li kienet miċħuda, għalkemm imbagħad irrepetiha l-Partit Nazzjonalista. L-MUT akkuża ukoll lill-UPE li trid ittawwal in-negozjati.
Però, fl-istess ħin, l-istqarrija tal-MUT ma weġbitx id-domandi tal-UPE l-ġimgħa li għaddiet.
“Tista’ l-MUT tgħid b’mod speċifiku għaliex l-għalliema għandhom jistrajkjaw?” staqsiet il-UPE fl-istqarrija tagħha ftit tal-jiem ilu, fost diversi domandi oħrajn, waqt li akkużat lill-MUT b’nuqqas ta’ trasparenza.
Il-UPE qalet li ma jistax ikun li l-għalliema jitilfu ġurnata paga bi strajk minħabba dawk li sejħet ‘self-centered leaders’. Fil-fatt, skont il-UPE, l-istrajk qed isir biex il-President tal-MUT u l-unjin li jirrappreżenta juru r-relevanza tagħhom u jipprovaw juru li għandhom il-poter.
Fl-aħħar jiem tqajjem tħassib serju dwar kif l-azzjonijiet tal-MUT qed jolqtu lil studenti vulnerabbli, b’diversi ġenituri jitkellmu dwar dan pubblikament.
Tkellmet ukoll il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, is-CRPD. Dawn l-azzjonijiet kienu fis-seħħ anke f’jiem fejn il-Gvern u l-unjin kienu mal-mejda f’laqgħat ta’ konċiljazzjoni.