Il-Pulizija arrestat tlett irġiel, żewġ Maltin u Niġerjan b’rabta ma’ allegat serq ta’ cables.
Kmieni s-Sibt filgħodu, għall-ħabta tal-erbgħa ta’ filgħodu, il-Pulizija ġiet mitluba tassisti f’mina taħt l-art qrib il-Ġnien tal-Argotti fil-Furjana, wara rapport li kienu qegħdin iqaċċtu cables tal-fiber optic u tar-ram biex jisirquhom.
Il-Pulizija bdiet minnufih bit-tfittxija fl-akkwati, fejn innotat persuna li kienet qed iġġorr xi cables u malli ndunat bil-Pulizija, ipprovat tistaħba.
Il-Pulizija ordnat lil din il-persuna biex toħroġ minn fejn hi, fejn ġie identifikat bħala raġel ta’ 39 sena minn Wied il-Għajn u ġie arrestat.
Il-Pulizija kompliet bit-tfittxija fil-mini u sabu żewġt irġiel oħra, wieħed ta’ 30 sena miż-Żejtun u Niġerjan ta’ 35 sena, li ġew arrestati.
It-tlett irġiel ittieħdu l-Għassa tal-Belt Valletta għal aktar stħarriġ. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.