Wara pressjoni qawwija mill-Istati Uniti, Iżrael se jħalli żewġ tanikijiet tal-fjuwil jidħlu f’Gaza kuljum.
Uffiċjal tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan qal li madwar 140,000 litru se jibdew ikunu permessi jidħlu f’Gaza kull jumejn.
Il-biċċa l-kbira tat-trakkijiet se jkunu qed jintużaw biex iwasslu l-għajnuna, l-ilma u prodotti sanitarji.
Il-kumplament se jinqasmu biex jerġgħu jibdew jaħdmu s-servizzi ta’ komunikazzjoni kollha, fosthom dawk tal-internet u t-telefown.
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa wissiet dwar is-sitwazzjoni umanitarja li qed tiżvolġi f’Gaza. Huma qalu li n-nuqqas ta’ fjuwil u l-bumbardamenti Iżraeljani ħarbtu b’mod qawwi s-sistema tal-kura tas-saħħa u l-faċilitajiet tas-sanità.
Il-Ġimgħa wieħed mir-rappreżentanti tal-WHO spjega li f’Gaza ġew irreġistrati iktar minn 70,000 każ ta’ infezzjoni – ċifri ħafna ogħla minn kemm wieħed kien jistenna.