Raġel ta’ 39 sena li joqgħod il-Fgura qiegħed jassisti lill-Pulizija b’rabta ma’ argument li seħħ ilbieraħ waranofsinhar fil-Fgura.
B’rabta ma’ dan il-każ, raġel ieħor sofra ġrieħi gravi.
Il-Pulizija kienu infurmati li għall-ħabta tal-erbgħa ta’ waranofsinhar, hemm bżonn l-assistenza fi Triq Pace u Grasso.
Il-Pulizija marret mil-ewwel fuq il-post fejn sabet raġel ta’ 25 sena residenti l-Kalkara, bi ġrieħi f’idu, allegatament b’arma li taqta’ u bil-ponta, filwaqt li l-allegat aggressur kien telaq minn fuq il-post.
Waqt li r-raġel ta’ 25 sena ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għal aktar kura, fejn ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi, ir-raġel l-ieħor ġie arrestat ftit tal-ħin wara.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.