Il-vizzju tad-droga kapaċi jaqleb il-ħajja ta’ dak li jkun ta’ taħt fuq, filwaqt li jħalli riperkussjonijiet serji fil-ħajja tal-individwu u dawk ta’ madwaru.
Vizzju li, sfortunatament, mhux kulħadd jagħraf jegħlbu, anke għax mhux faċli li jsir l-ewwel pass lejn l-għajnuna disponibbli għall-fejqan sħiħ.
Crew ta’ ONE News tkellem ma’ Daniel Mallia, li qasam magħna l-istorja tiegħu dwar kif illum il-ġurnata, bl-għajnuna ta’ Caritas Malta, irnexxielu jieħu ħajtu lura u jaqbad it-triq it-tajba.
Daniel, li f’ħajtu mess ma’ kull tip ta’ droga, beda jabbuża minn ta’ sittax-il sena fejn mill-ewwel drink, qaleb fuq is-smoke u ta’ tmintax-il sena beda jieħu l-eroina.
Hu spjegalna kif l-eroina ħalliet effetti koroh ħafna fuqu, tant li filgħodu kien iqum bla saħħa ta’ xejn u jekk kien jiftaħ il-kexxun u ma jsibx, kien jispiċċa ma jmurx għax-xogħol u jdur għall-‘mistura’ u għalhekk il-vizzju baqa’ jikber. Qalilna wkoll li meta kien jitla’ l-parties kien jispiċċa jdur għall-ecstasy u l-kokaina.
Saħaq kif meta wasal iż-żmien li jirriabilita ruħu mal-Caritas Malta, għall-ewwel ma riedx jaċċetta li għandu problema tad-droga u ddeskriva kif id-droga kien saret tiddomina d-dinja tiegħu u, kif beda jara li qed jitlef kollox, is-sabiħ tal-ħajja u dawk qribu, ħass il-ħtieġa li jfittex l-għajnuna u jdur għat-triq it-tajba.
Għal Daniel, l-irkupru beda minn Mount Carmel fejn aktar tard daħal fix-xelter tal-Caritas u beda l-programm tiegħu. Wara li temm il-programm, mar San Blas u mbagħad wara Dar Charles Miceli fejn għamel seba’ xhur sħaħ.
Qalilna kif, il-fatt li rriabilita ruħu ma kienx biżżejjed għalih, għax xtaq li jagħmel xi ħaġa għalih innifsu, li tagħtih valur iżjed personali, tant li ddeċieda li jagħmel kors għal co-worker mal-Caritas stess. Xogħol li tah sodisfazzjon kbir.
Stqarr, “Is-sodisfazzjon hu kbir ħafna, niftakar meta kelli l-interview nsomma u ridt nagħmel shadowing u għadni niftakarha ċara kristall, tiela’ bil-karozza biex immur nagħmel l-ewwel ħames sigħat esperjenza, mela filli tiela’ niftakar, jien ilni clean issa kważi sitt snin. Sitt snin ilu bil-bagalji biex nibda programm u għaddejt mill-istess triq apposta li jien ħa mmur din id-darba biex naħdem mal-Caritas mhux biex nirriabilita ruħi, imma biex ngħin lil ħaddieħor.”
Minn dakinhar ’il hawn, Daniel qatt ma ħares iżjed lura u llum iħoss li jinsab fil-kontroll ta’ ħajtu u qed igawdi ħafna affarijiet li spiċċa tilef f’perjodu ikrah ta’ żogħżitu.
Daniel hu eżempju wieħed ta’ żgħażagħ li sabu kull sostenn possibbli minn Caritas Malta, li tispeċjalizza u taħdem biex tpoġġihom lura fit-triq it-tajba.
Ta’ min isemmi li Caritas Malta qed torganizza maratona ta’ ġbir ta’ fondi bit-tema ‘Jimpurtani’ is-Sibt li ġej bejn il-11:00 ta’ filgħodu u l-11:00 ta’ bil-lejl u se tkun qed tixxandar fuq l-istazzjonijiet televiżivi kollha.
Is-servizzi tal-Caritas huma kollha b’xejn u min isegwi l-maratona hu mħeġġeġ jikkontribwixxi permezz ta’ donazzjoni bit-telefown u metodi oħrajn disponibbli.
Donazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll permezz ta’ PayPal jew fuq is-sit uffiċjali tal-Caritas. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jsegwi l-midja soċjali ta’ Caritas Malta.