Il-boxer maltija Gail Diacono għaddiet għall-finali tal-Kampjonat Ewropew tal-Boxing Under 22 kategorija 63Kg, kampjonat li qed isir f’Budva l-Montenegro.
Gail irnexxielha tagħmel dan hekk kif fis-semifinali li saret il-Ġimgħa wara nofs-in nhar għelbet lill-boxer mill-Armenja Sona Harutyunyan. Diacono kellha wirja brillanti tant li kienet dejjem dominanti tul it-tliet rounds.
Bir-rebħa tal-lum Diacono hija ċerta minn midalja tal-fidda, u issa se tkun qed timmira wkoll għad-deheb fil-finali ta’ nhar il-Ħadd li ġej.
L-erbgħa filgħaxija Gail rebħet il-ġlieda tagħha fil-kwartifinali kontra avversarja mill-Montenegro Nina Radenovic, li permezz tagħha għaddiet għas-semifinali tal-lum.
Fil-Kampjonat Ewropew U22 fil-Montenegro Gail Diacono hija akkumpanjata mill-kowċ tagħha Roland Sammut u l-Head Coach tal-Federazzjoni Maltija tal-Boxing Gabriele Martelli.