Rebħa oħra għall-boxer malti Cleavin Falzon fi ġlieda oħra Boxing l-erbgħa filgħaxija f’Ta’ Qali. Falzon kien qed jieħu sehem fl-avveniment ta’ Centurion F.C. u li matulu kien hemm ġellieda minn bosta pajjiżi. Falzon, li kien qed jirrapreżenta lil Malta, iġġieled u għeleb lit-taljan Damiano Calicchia.
Il-ġlieda rat lil Calicchia mill-ewwel fuq l-attakk iżda Falzon irreagġixxa tajjeb u ftit ftit ħa l-kmand tal-ġlieda. Cleavin Falzon rebaħ b’Tecnical Knock Out fil-bidu tat-tieni round.
Ta’ nota l-appoġġ kbir li kellu l-boxer malti minn għadd kbir ta’ partitarji li għamlu l-preżenza tagħhom tinħass sew.
Il-ġlidiet organizzati minn Centurion F.C. huma segwieti minn eluf ta’ spettaturi, b’mod speċjali minn fuq il-meżżi ta’ komunikazzjoni. Falzon kien ħa sehem f’kompetizzjoni oħra simili sena ilu fejn kien rebaħ fi ġlieda li damet 40 minuta. F’Lulju li għadda kiseb rebħa oħra fi ġlieda boxing kontra Andrej Mitrov (boxer li kellu rekord ta’ 17-il rebħa Knockout).
Sodisfazzjon doppju għal Falzon hekk kif wara l-ġlieda tal-bieraħ, tħabbar li l-Malta Boxing Association se tkun qed tilqgħu u tappoġjah fix-xena tal-Boxing professjonali.
F’messaġġ fuq il-paġna uffiċjali tal-Malta Boxing Association, il-president Marc James faħħar it-talenti li għandu Claevin f’dan l-isport u jinsab ħerqan sabiex jibda jaħdem miegħu mill-viċin.
Fost il-persuni li qed jappoġjaw lil Claevin Falzon hemm is-sinjuri Owen Bugeja u Josmark Bonello.