Il-ħidma tal-Missjoni Permanenti Maltija għall-Ġnus Maqgħuda, li wasslet fl-adozzjoni b’vot b’saħħtu mill-Kunsill tas-Sigurtà ta’ riżoluzzjoni mressqa minnha, ġibdet l-attenzjoni ta’ bosta siti internazzjonali tal-aħbarijiet u politiċi Ewropej.
Fil-fatt, il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, waqt li faħħar lil Malta għall-impenn tagħha favur il-paċi bir-riżoluzzjoni tal-bieraħ, li għaddiet b’maġġoranza ta’ 12-il vot u tliet astensjonijiet fil-Kunsill tas-Siġurtà tal-Ġnus Magħquda qal kif il-Ġnus Magħquda issa trid taġixxi b’mod effettiv.
Il-kitba fuq il-midja soċjali minn Michel kienet waħda minn diversi reazzjonijiet pożittivi internazzjonali għar-riżoluzzjoni Maltija.
Is-sit tal-aħbarijiet AP News faħħar il-fatt li r-riżoluzzjoni ta’ pajjiżna rnexxielha tegħleb diversi differenzi serji li ma ħallewx riżoluzzjonijiet preċedenti jiġu adottati, b’differenza għal dik ta’ pajjiżna li sabet is-sostenn tal-maġġoranza assoluta tal-membri fil-Kunsill tas-Sigurtà.
Kien is-sit awtorevoli Politico li kompla jitfa’ dawl fuq ir-riżoluzzjonijiet ta’ qabel dik ta’ Malta fejn kien hemm erbgħa preċedenti li ma sabux l-appoġġ u allura ma ġewx adottati.
Is-sit Times Now World innota l-involviment ta’ Malta fit-titlu tal-artiklu ppubblikat dwar ir-riżoluzzjoni, filwaqt li nnota l-aġir bla preċedent tal-ħmistax-il membru tal-Kunsill li hu l-aktar forum b’saħħtu tal-Ġnus Magħquda.
Is-sit Al Jazeera nnota wkoll dak li qalet ir-Rappreżentant Permanenti Malti għall-Ġnus Magħquda bbażata fi New York, Vanessa Frazier, li sostniet kif l-għan tar-riżoluzzjoni jibqa’ dak li jagħti nifs lill-poplu ta’ Gaza u t-tama fid-dawl ta’ dak li għaddejjin minnu eluf ta’ vittmi innoċenti.