Il-baġit għas-sena d-dieħla għandu l-akbar allokazzjoni li qatt kellu l-qasam tal-Gvern Lokali, hekk kif din żdiedet b’seba’ miljun ewro, meta mqabbel mas-sena kurrenti. Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta Ġusta’.
“Il-baġit għas-sena d-dieħla se jkun qed jagħti l-akbar żieda fil-qasam tal-Gvern Lokali, dik ta’ €7 miljun – żieda fuq is-sena l-oħra. Dan biex jissarrfu fi proġetti fil-komunitajiet tagħna għar-residenti tagħna.”
Intqal li din is-sena, sebgħa u tletin kunsill lokali madwar pajjiżna bbenefikaw mill-iskema ‘Komunitajiet Aktar Siguri u Organizzati’, b’fond ta’ aktar minn tliet mija u għoxrin elf ewro.
Qalet li s-sena d-dieħla se tkompli l-implimentazzjoni tal-Viżjoni Straġetika, li se twassal sal-elfejn u tletin.
Is-Segretarju Parlamentari spjegat li d-Diviżjoni tal-Gven Lokali se taħdem biex tiġi żviluppata pjattaforma diġitali komuni, bil-għan li r-residenti jkunu jistgħu jaċċessaw is-servizzi tal-kunsilli lokali b’mod onlajn.
Zerafa Civelli semmiet se jkompli jingħata taħriġ speċifiku lill-ħaddiema kollha tal-Kunsilli Lokali biex ikomplu jkunu effċjenti.