“Il-baġit għas-sena d-dieħla juri l-impenn li għandu l-Gvern ikompli jtejjeb is-settur edukattiv, b’investiment kontinwu li qed isir fl-infrastruttura.” Dan intqal mill-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, fi żjara fuq il-lant tax-xogħol li qed isir fl-iskola ġdida fl-Imsida.
Il-Ministru tkellem dwar il-proġetti, li qed isiru bħalissa mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada mifruxa mal-pajjiż, biex jinbnew skejjel ġodda u jkunu modernizzati, waqt li jitkabbru oħrajn.
Fi skejjel oħrajn qed issir riġenerazzjoni sħiħa biex dan ix-xogħol kollu jwassal għal ambjent edukattiv modern u aħjar għall-istudenti u anke l-edukaturi tagħhom.
Issa l-baġit li, fost oħrajn, jagħti inċentiv għal dawk li jkomplu jistudjaw, tisħiħ fl-istipendju għal kulħadd u r-riforma biex tinċentiva ċerti setturi, bħal dawk li jridu jsiru għalliema f’numru ta’ suġġetti u bħalma hu l-investiment infrastrutturali.
Dan l-investiment se jwassal biex l-Imsida jkollha skola ġdida b’madwar erbgħin klassi, sitta u għoxrin klassi normali u għadd ta’ klassijiet oħrajn għal suġġetti speċifiċi. L-iskola fl-Imsida se jkollha wkoll ċentru għall-ħarsien tat-tfal, librerija pubblika u sala.
Din l-iskola wkoll se jkollha partijiet minnha miftuħin għall-komunità u taħt l-iskola hemm ukoll parkeġġ għall-karozzi fuq żewġ livelli li jesa’ madwar 180 karozza.
Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ madwar €22 miljun u se jkun parzjalment iffinanzjat mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza tal-Unjoni Ewropea.