Fi żminijiet ta’ sfidi internazzjonali bil-gwerer fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani, il-Gvern Malti baqa’ jippromwovi l-valuri demokratiċi u dawk tal-paċi. Dan intqal mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, waqt li fil-Parlament, ġew diskussi l-estimi ta’ dan id-dekasteru importanti.
“Il-Gvern Malti b’responsabilità ma nħebiex b’xi skuża jew b’oħra, wara l-Kostituzzjoni tagħna, li iva u b’rispett sħiħa lejha aħna militarment newtrali, iżda dak ma jfissirx li nagħlqu għajnejna, nagħlqu widnejna u nagħlqu ħalqna, meta naraw min qiegħed b’mod sfaċċat jikser il-liġijiet u t-trattati internazzjonali.”
F’dan id-diskors hu fakkar kif, f’dawn is-sentejn, Malta għandha siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda u hawnhekk qal li pajjiżna qed jagħmel l-almu tiegħu għas-soluzzjonijiet.
Id-Deputat Carmelo Abela semma dan tal-aħħar u r-reputazzjoni li għandu pajjiżna.
“Jekk kien hemm bżonn ta’ xhieda ta’ kemm il-pajjiż tagħna hu rispettat, ta’ kemm il-pajjiż tagħna, mhux kif jgħidu l-Oppożizzjoni, imma kemm hu valorizzat, kien proprju l-appoġġ li pajjiżna kiseb biex fis-sentejn li ninsabu fihom – din is-sena u s-sena d-dieħla – iservi f’dan il-kunsill tant importanti.”
Id-Deputat Edward Zammit Lewis tkellem dwar dak li qed jiġri fil-Lvant Nofsani, fejn qal li qegħdin jitilfu bosta ħajjiet ta’ persuni innoċenti, fosthom dawk li qed jgħixu f’Gaza.
“Jiena nemmen li l-Gvern għandu wkoll, u nagħmel appell minn hawn, li jaħseb serjament biex jagħmel repositioning tal-pożizzjoni tiegħu fejn jitlob b’mod permanenti issa, semmiha l-Prim Ministru nhar il-Ħadd, imma xtaqt nelabora fuqha li tkun politika barranija formali ta’ dan il-pajjiż li jkun hemm waqfien mill-ġlied permanenti.”
Id-Deputata Amanda Spiteri Grech tkellmet ukoll dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani.
“Malta sa mill-bidu wriet it-tħassib tagħha u saħqet li kull azzjoni li għandha tittieħed, għandha tirrispetta l-liġijiet internazzjonali u tiġi segwita l-linja ta’ proporzjonalità. Dan il-konflitt l-aktar wieħed makabru u atroċi. B’għadd kbir ta’ ġurnalisti mejta wkoll ta’ min isemmi.”