Teatru Malta iħabbar li mill-24 sas-26 ta’ Novembru, se jkun qed jittella’ Ġambori, festival iddedikat għal dawk kollha li għandhom ‘l fuq minn 60 sena imma li għadhom żgħar fl-ispirtu.
Ġambori huwa huwa ċelebrazzjoni li tqawwi lil dawk li għalqu s-sittin sena u iktar b’opportunità li jgħixu ħajja sinifikanti, b’saħħitha u attiva wara li jirtiraw. Ġambori jippreżenta żewġ produzzjonijiet teatrali: “Il-Madonna tiegħi aħjar minn tiegħek” u “L-Għatisa.” Dan kollu bi ħsieb li jkun avveniment annwali, jesebixxi l-ħiliet kreattivi tal-membri tal-Każin 60+.
Il-Każin 60+ huwa mmexxi mill-Creative Workshop Leaders Charlotte u Josette, li l-għan tagħhom hu li jtejbu l-ħajja tal-membri tagħhom permezz tal-arti tal-ispettaklu u l-involviment attiv.
Matul il-festival se jittellaw workshops għall-mużika u ż-żfin minn artisti rinomati u attivitajiet varjati interattivi apposta biex jippromwovu stil ta’ ħajja attiva għall-dawk li qabżu s-sittin u l-familji tagħhom. il-Ġimgħa filgħaxija, se tittella’ wkoll edizzjoni ta’ Taħdita Teatru li tistieden lill-parteċipanti jingħaqdu f’diskussjoni dwar il-proċess kreattiv ta’ dawn l-ispettakli.
Is-Sibt filgħodu, residenti ta’ San Vinċenz de Paul jistgħu jipparteċipaw f’Movement Workshop ma’ Rochelle Gatt, li jippromwovi l-eżerċizzju u t-tgawdija. Filgħaxija, it-Trio tal-Jazz se jtellaw rappreżentazzjoni mużikali b’Paul Giordimaina fuq il-pjanu, Sammy Murgo fuq is-sassofonu u Tony Bartolo jkanta, fejn imbaghad wara DJ spenser ser ikun qiegħed idoqq xi diski li baqgħu popolari matul iż-żminijiet għal kulħadd.
Il-festeġġjamenti tal-Ħadd jinkludu sessjoni ta’ “Belgħa Te u Tombla” ma’ Frank Zammit u Trevor Zahra, li se jwaħħdu l-logħba klassika tat-tombla mal-lingwistika: “Tombla bil-Kliem.” Trevor Zahra, imbagħad, se jsaħħar l-udjenza bi ftit qari mill-kotba tiegħu stess.
Ġambori ma setax jittella’ mingħajr il-kollaboraturi San Vinċenz de Paul, il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva u ċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva. Il-biljetti għal Festival Ġambori qedgħdin jinbiegħu €10 għal kull jum. Wieħed jista’ jixtri l-biljetti minn fuq is-sit ĠAMBORÌ | ShowsHappening