Tore Lindtveit u Laya Cristina kisbu suċċess fl-MGA Shield, kompetizzjoni li ġiet organizzata fi tmiem din il-ġimgħa mill-Malta Golf Association fil-korsa tal-golf fil-Marsa.
Lindveit kien l-aħjar fost il-parteċipanti maskili meta kien konsistenti tul it-tlett ijiem ta’ logħob għalkemm sab l-oppożizzjoni ta’ Patrick Baldacchino u Eugene Cranley li spiċċaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament.
Sadanittant, fil-kategorija femminili, il-golfer żagħżugħ Laya Cristina kompliet turi progress fil-logħob tagħha meta spiċċat fl-ewwel post tal-kompetizzjoni bi Guan Mingqi li temmet fit-tieni post u Eileen Borg tieħu t-tielet pożizzjoni.
B’kollox ħadu sehem 88 plejer maskili u 12-il plejer femminili bit-temp ikun favorevoli fl-ewwel jumejn bl-aħħar ġurnata li kienet mimlija riħ li għamel ix-xogħol tal-parteċipanti ferm itqal.
Fl-aħħar tal-kompetizzjoni, il-president tal-Malta Golf Association William Beck flimkien ma’ Robert Farrugia Vella li kien l-isponsor ta’ dan l-avveniment ippreżentaw it-trofej lir-rebbieħa.