Żewġt irġiel, Christopher Agius ta’ 32 sena minn Raħal Ġdid u Aaron Cassar ta’ 43 sena mill-Imqabba baqgħu jinżammu arrestati wara li ġew mixlija b’argument fil-Gżira.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li fit-tlieta ta’ Novembru li għadda daħal rapport li seħħ argument bejn tlett irġiel fi stabbiliment u kien hemm persuna midruba. B’wieħed minnhom, Christopher Agiius, allegatament spara fid-direzzjoni tal-vittma, waqt li raġel ieħor, Aaron Cassar, li kien fil-kumpanija tal-allegat aggressur, ħarbu minn fuq il-post.
Wara investigazzjonijiet intensivi mill-Pulizija, iż-żewġt irġiel ġew identifikati u għaldaqstant kompliet it-tfittxija għalihom.
Ftit tal-jiem wara l-Pulizija kellha informazzjoni fejn setgħu kienu, segwewhom, sakemm għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħaxija ġew iċċirkondati f’Birkirkara u ġew arrestati.
Fil-Qorti ġie spjegat li Aaron Cassar kiser il-kundizzjonijet tal-ħelsien mill-arrest f’żewġ okkażżjonijiet differenti, fil-lejl tal-inċident u f’lejl separat fejn raqad f’lukanda.
Aaron Cassar wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih wara li kkonsulta mal-avukat, u kkonferma l-ammissjoni tiegħu anki wara li ngħata ħin biex jikkunsidraha.
Intant, Christopher Agius wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba n-natura gravi tal-każ, diversi xhieda għad iridu jixhdu u għaliex l-arma inkwistjoni għadha ma nstabitx.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, ċaħdet it-talba tal-ħelsien mill-arrest.