Din is-sena u għas-sentejn li ġejjin, Malta se jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku minn fost is-sebgħa u għoxrin pajjiż tal-Unjoni Ewropea, kif joħroġ mill-aħħar tbassir ekonomiku mill-Kummissjoni Ewropea, dak għall-ħarifa, li għadu kemm ġie ppubblikat.
Minn dan it-tbassir ħareġ li din is-sena pajjiżna se jkollu tkabbir ta’ erbgħa fil-mija biex qed naqbżu l-medja Ewropea bi tlieta punt erbgħa fil-mija.
Dan juri li, minkejja l-isfidi internazzjonali bla preċedent li għaddejja minnhom id-dinja, partikolarment bil-gwerer fl-Ukrajna u issa fil-Lvant Nofsani, it-tbassir ta’ pajjiżna żdied fuq l-aħħar tbassir, dak tar-rebbiegħa, waqt li l-medja Ewropea naqset.
Is-sena d-dieħa, pajjiżna wkoll se jkollu rata ta’ tkabbir ta’ erbgħa fil-mija, bi tnejn punt sebgħa fil-mija fuq il-medja Ewropea.
Fis-sena elfejn ħamsa u għoxrin, it-tkabbir ekonomiku se jitla’ għal erbgħa punt tnejn fil-mija. Hawnhekk pajjiżna wkoll jaqbeż ir-rata medja ta’ tkabbir ekonomiku fl-Ewropa, din id-darba bi tnejn punt ħamsa fil-mija.
Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-konsum privat f’pajjiżna kellu żieda ta’ aktar minn ħamsa fil-mija fl-ewwel nofs ta’ din is-sena u mistenni jibqa’ għaddej b’dan ir-ritmu pożittiv.
Dan hu dovut, partikolarment, għad-deċiżjoni tal-Gvern li jissussidja l-prezzijiet kollha tal-enerġija, bħal dawk tal-elettriku, il-gass u l-fuels, biex jibqa’ jsostni lill-familji u n-negozji u ma jgħabbihomx b’piżijiet eżorbitanti, kif esperjenzaw il-popli fil-bqija tal-pajjiżi Ewropej.
Fi kliem sempliċi, kif ukoll ġie spjegat mill-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli din il-ġimgħa, familja medja f’Malta ilha sa mill-bidu tal-2022 tiffranka mal-€2,000 fis-sena fil-kontijiet tagħha.
Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea nnota dan, hekk kif intqal li l-prezzijiet tal-enerġija fostna se jibqgħu l-istess sal-elfejn ħamsa u għoxrin, permezz ta’ din il-miżura u l-politika ta’ stabilità tal-Gvern Malti.
Il-Kummissjoni Ewropea nnotat ukoll kif is-settur turistiku f’pajjiżna qed jikseb riżultati aqwa mill-2019, qabel bdiet il-pandemija, u l-istess mistenni jkompli s-sena d-dieħla u ta’ wara.
Sadanittant, f’kitba fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela nnota li, waqt li l-Kummissjoni Ewropea baxxiet il-prospetti ekonomiċi tal-Unjoni Ewropea, għolliet ’il fuq dawk ta’ pajjiżna.
Dr Abela qal li Malta se jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi Ewropej, fl-istess ħin li se jkollna wkoll l-inqas rata ta’ qgħad irreġistrata sa mill-elfejn ħamsa u għoxrin mill-inqas.
Il-Prim Ministru tenna li l-politika tal-Gvern se tkompli tagħmel id-differenza fl-għajxien tal-Maltin u l-Għawdxin.
Fit-tbassir tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qalet ukoll li r-rata tal-qgħad f’Malta se tibqa’ mill-aktar baxxa sa sentejn oħra, tnejn punt sebgħa fil-mija, li hi l-inqas baxxa fl-istorja lokali.
Minbarra hekk jindika wkoll li r-rata ta’ inflazzjoni se tonqos għal kważi tlieta fil-mija sentejn oħra, meta mqabbla mar-rata ta’ inqas mis-sitta fil-mija din is-sena.
Ħareġ li, minkejja kull għajnuna bla preċedent li qed tiġi offruta lill-familji u n-negozji, id-defiċit tal-Gvern se jkompli jonqos għal erbgħa fil-mija sentejn oħra, minn kważi sitta fil-mija s-sena l-oħra.
Dan ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea jsegwi dak tal-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF, li wkoll bassar li pajjiżna se jkollu l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea din is-sena u s-sena d-dieħla.