Fil-Bażilika ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid ingħatat l-aħħar tislima lil Renald Dalli, eks President tal-Partit Laburista u eks Chairman ta’ ONE. Hu ħalla din id-dinja nhar il-Ħadd 12 ta’ Novembru fl-għomor ta’ 77 sena.
Fi knisja ppakkjata, għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu l-Kappillan Marc Andre Camilleri sellem il-memorja ta’ Renald li ta l-kontribut tiegħu matul ħajtu kollha.
“Quddiem il-ħajja sabiħa li għex ħuna Renald, quddiem il-ħidma kollha li wettaq f’diversi kampijiet, quddiem familja sabiħa li waqqaf, aħna wkoll immorru quddiem il-Mulej, minkejja l-uġigħ tal-firda f’qalbna llum b’dan is-sens ta’ apprezzament u gratitudni.”
Fil-bidu tas-snin elfejn, Renald kien Chairman ta’ ONE Productions Ltd, waqt li qabel serva wkoll bħala President tal-Partit Laburista u tal-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti.
Kien involut sew fil-lokalità ta’ Raħal Ġdid, tant li kien ukoll kunsillier hawnhekk bejn l-2007 u l-2012, u għal ħafna snin kien President taċ-Ċentru Laburista ta’ Raħal Ġdid, waqt li kien President Onorarju tas-Socjetà Filarmonika De Paule.
Kien ukoll membru fil-Ground Management Board tal-Grawnd tal-Ħibs f’Kordin, illum magħruf bħala t-Tony Bezzina Stadium.
Għall-funeral attendew, fost oħrajn, it-tmexxija ta’ ONE Productions Ltd, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, u l-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard.