L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ta’ Bernard Grech inqabdet ma tafx fatti bażiċi oħrajn, fosthom li l-istudenti, li jistudjaw full-time u jaħdmu għal tletin siegħa fil-ġimgħa, jibqgħu jirċievu stipendju li se jerġa’ jiżdied b’dak imħabbar fil-Baġit.
Il-kelliema ta’ Grech għaż-żgħażagħ, Bernice Bonello sostniet li mhux sew li studenti jinqatagħlhom l-istipendju jekk ikunu jaħdmu iżjed minn ħamsa u għoxrin siegħa fil-ġimgħa.
Qalet, “U xi ngħidu għal studenti li jekk jaħdmu iktar minn 25 siegħa u wkoll ikunu full-time students, ma jieħdux stipendju.”
Dan qalitu anke jekk issa ilu ġimgħat li l-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima kien fl-MCAST u ħabbar li mis-sena akkademika u skolastika li bdiet kważi max-xahrjen ilu, l-ammont ta’ sigħat tela’ minn ħamsa u għoxrin għal tletin.
Id-Deputat Nazzjonalista Bernice Bonello kompliet tħawwad u evidentament id-Deputati ta’ magħha skomdi, Justin Schembri ried li jieħu kollox f’idejh biex Bonello ma tkompliex tgħaffeġ.
Imbagħad il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-edukazzjoni żied jikkonferma t-tgħaffiġa tal-kollega tiegħu Bernice Bonello.
Qal, “L-Onor. Bernice Bonello irrisponditek għax qaltlek 25 siegħa fil-ġimgħa.”
Fil-Parlament it-Tlieta filgħaxija, il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima ċċara kif l-informazzjoni korretta kienet ilha fid-dominju pubbliku u nnota n-nuqqas għarfien u d-dikjarazzjonijiet inveritiera tal-Oppożizzjoni.
Qal, “Kien hemm nuqqas ta’ għarfien li jiġi tradott fuq informazzjoni li mhijiex korretta. Fil-press conference intqal li l-ammont ta’ sigħat li student jista’ jaħdem waqt li jieħu l-istipendju sħiħ huwa 20 siegħa li tela’ 25 siegħa għax qed naraha u nismaha tidwi f’widnejja. Ir-realtà hija li ġimgħat ilu mhux ilbieraħ, ħabbarna li minn din is-sena skolastika akkademika jista’ jaħdem 30 siegħa mingħajr ma jsofri tali tnaqqis.”