Il-baġit għas-sena d-dieħla se jkun qed jagħti l-akbar allokazzjoni għall-persuni b’diżabilità ta’ tlieta u sittin miljun ewro. Dan intqal mill-Ministru għall-Inklużjoni, Julia Farrugia Portelli, f’indirizz lill-Parlament dwar l-estimi tad-dekasteru tagħha.
Fost il-miżuri f’dan il-qasam hemm dik tal-Carers’ Grant, li telgħet għal kważi ħamest elef ewro, waqt li l-pensjoni tad-diżabilità se tiżdied bi sbatax-il ewro u disgħa u tletin ċenteżmu.
Fid-diskors tagħha, il-Ministru Farrugia Portelli tkellmet dwar is-settur tal-volontarjat, li jaqa’ wkoll taħt ir-responsabbiltà tagħha.
Qalet, “Dan il-baġit hu l-aktar baġit b’saħħtu fis-settur tal-volontarjat. Baġit ta’ żewġ miljun ewro, żieda ta’ nofs miljun ewro aktar fuq is-sena kurrenti u minbarra hekk, fil-bidu tas-sena d-dieħla, il-Ministeru se jniedi skema ta’ fondi lill-għaqdiet volontarji u l-każini tal-baned b’investiment ta’ kwart ta’ miljun ewro.”
Id-Deputata Katya De Giovanni tenniet ir-rikonoxximent lill-għaqdiet volontarji.
Qalet, “Dan il-Gvern qed jagħti issa kreditu ta’ taxxa għal massimu ta’ €500 lil dawk l-ażjendi li jgħinu proprju lill-NGOs fl-oqsma soċjali, ambjentali u anke dawk li jaħdmu f’riżq l-annimali.”
Id-Deputat Malcolm Paul Agius Galea qal li dawk l-għaqdiet volontarji sinċiera għandhom jingħataw kull għajnuna u qal li għandu jkun hemm diskussjoni dwar nuqqas ta’ burokrazija.
Qal, “L-għajnuna f’nuqqas ta’ burokrazija lejn dawn l-entitajiet hi importanti ħafna. Però, daqstant ieħor importanti l-kontroll tagħna, għax nafu biżżejjed li hemm organizzazzjonijiet volontarji u hemm individwi, li jinħbew wara organizzazzjonijiet volontarji li l-għan tagħhom ikun mod ieħor.”
Id-Deputata Romilda Zarb tkellmet dwar is-settur tal-inklużjoni.
Qalet, “L-akbar baġit li qatt ġie mogħti lil dan il-Ministeru u din hawnhekk hi l-prova ċara, prova li dan il-Gvern għandu r-ruħ soċjali u li dejjem lest li jwieżen lil dawk li għaddejjin minn sfida jew li għandhom xi diżabilità.”