Matul l-2015 kien hemm żieda ta’ 8,615-il azjenda f’pajjiżna, jew kważi azjenda kull siegħa.
Stqarrija tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li mill-bidu ta’ din il-leġislatura kien hemm żieda ta’ 16,107 azjenda. B’kuntrast, tul il-ħames snin tal-leġislatura preċedenti, kien hemm żieda ta’ 4,113 azjenda.
Fi stqarrija l-Gvern ta’ Malta qal li kuljum, taħt din l-amministrazzjoni r-rata ta’ tkabbir fin-numru ta’ azjendi kienet kważi seba’ darbiet dik osservata fil-ħames snin ta’ qabel. Dan jispjega għalfejn ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna issa waqgħet għall-inqas livell fl-istorja, filwaqt li f’kull sena ta’ din il-leġislatura pajjiżna kellu l-ogħla żieda fl-impjiegi minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Is-setturi li fihom l-aktar li żdied in-numru ta’ azjendi kienu s-servizzi professjonali u tekniċi bi tkabbir ta’ 1,571 azjenda (id-doppju tat-tkabbir fl-2014), is-settur finanzjarju bi tkabbir ta’ 1,405 azjenda (l-istess bħas-sena qabel) u s-servizzi amministrattivi privati bi tkabbir ta’ 1,171 azjenda (id-doppju tat-tkabbir tal-2014).
Anke fis-settur tal-ħwienet, li skont l-Oppożizzjoni sejjer ħażin ħafna, kien hemm żieda ta’ 1,107 azjenda.
B’kuntrast,fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti, fis-settur tal-ħwienet kien hemm tnaqqis ta’ kważi 400 azjenda. Fil-manifattura u l-kostruzzjoni, is-sena li għaddiet, kien hemm żieda ta’ 500 azjenda filwaqt li fl-2012 kien hemm tnaqqis ta’ kważi 900.
Din hija konferma tad-dinamiżmu tas-settur privat Malti u Għawdxi, tgħid l-istqarrija tal-Gvern.
Mogħti ambjent tajjeb, l-investituri f’pajjiżna kattru l-operat tagħhom u żiedu l-opportunitajiet tax-xogħol. Il-Gvern ser ikompli jaħdem biex dan l-effett ikompli jinfirex għal aktar setturi fl-ekonomija tagħna.