Il-Gvern Malti esprima s-sodisfazzjon għall-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Giovanni Pitruzzella fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja favur it-talba ta’ Malta biex tiġi annullata r-regola tar-ritorn tal-vetturi fil-Pakkett ta’ Mobbiltà tal-Unjoni Ewropea.
Din ir-regola tobbliga lill-operaturi ta’ vetturi kbar tal-merkanzija biex jirritornaw lejn il-pajjiż li fih ikunu bbażati kull tmien ġimgħat. Dan se jkollha impatt negattiv qawwi fuq l-ambjent, is-settur tat-trasport u l-ekonomija ta’ pajjiżna, partikolarment minħabba l-insularità tagħna.
Konsegwentement, l-annullament ta’ din id-dispożizzjoni jwassal għal spejjeż ħafna iżjed baxxi għall-kumpaniji tat-trasport u allura għall-konsumaturi.
Meta wieħed iqis ix-xenarju internazzjonali attwali fis-settur tat-trasport u l-loġistika, l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali fil-Qorti Ewropea tfisser żvilupp importanti.
Quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, Malta argumentat li r-regola tar-‘ritorn tal-vetturi’ tikser ukoll artikli mit-Trattat tal-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea stess.
L-Avukat Ġenerali Pitruzzella qabel ma’ Malta li din ir-regola ma kinitx iġġustifikata biżżejjed mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u li ma qisitx l-impatt ambjentali u kif serjament taffettwa l-livell tal-għajxien u l-impjiegi f’Malta, flimkien mal-operat tal-faċilitajiet tat-trasport, minħabba r-restrizzjonijiet ġeografiċi u l-infrastruttura tat-trasport marittimu eżistenti.
Għalhekk ikkonkluda li r-regola għandha tiġi annullata.
Fi stqarrija, il-Gvern Malti laqa’ l-pożizzjoni u qal li issa jistenna bil-ħerqa s-sentenza tal-Qorti, li mistennija tingħata s-sena d-dieħla, waqt li tenna l-impenn li jiddefendi l-interessi tas-settur tat-trasport Malti u l-ambjent, filwaqt li jiżgura qafas ta’ mobilità ġust u bilanċjat fi ħdan l-UE.