Ritratt ta’ tifel refuġjat mar virali dan hekk kif jidher li qed ipoġġi kutra fuq kelb li safa midrub biex jilqagħlu mill-kesħa.
Huseyin el-Hasan, li għandu biss tmien snin, rebaħ qlub in-nies għax minkejja li d-dar għandu problema bil-kesħa li jkun hemm xorta waħda wera kemm għandu qalbu tajba li ħaseb f’min hu xxurtjat inqas minnu.
It-tifel li flimkien ma’ familtu qed jgħix f’Kilis fit-Turkija wara li ħarbu mill-gwerra fis-Sirja, ra li l-kelb intlaqat minn karozza u kien pront telaq jiġri ħdejh u għamel mill-aħjar biex jgħinu sakemm waslu persuni li jsalvaw l-annimali.
Sfortunatament minkejja li kemm it-tifel u kif ukoll il-ħaddiema għamlu dak kollu li setgħu biex isalvaw il-ħajja tal-kelb, spiċċa tilef ħajtu kawża tal-ġrieħi serji li ġarrab.
Wara li sema’ b’dak li ġara, il-Viċi Sindku Cuma Ozdemir, iddeċieda li jżur lit-tifel fid-dar tiegħu u tah il-prosit tal-ġest nobbli li hu wettaq.