Il-Gvern ħabbar proġett infrastrutturali ġdid li se jaffettwa b’mod pożittiv il-qasam ġudizzjarju ta’ pajjiżna hekk kif, permezz tiegħu, se jkunu qed jiżdiedu l-awli għall-Qorti Kriminali.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta Ġusta,’ fejn ġie spjegat kif ġiet identifikata binja magħrufa bħala tal-Ferjol u li permezz ta’ investiment ta’ €5 miljun din se tara l-bini ta’ tliet awli ġodda, mgħammrin bl-aħħar teknoloġija, sigrieti tal-imħallfin u numru ta’ uffiċini għal ħaddiema li jassistu lill-ġudikatura.
Fil-fatt, il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, ipprovda aktar dettalji dwar din il-binja addizzjonali tal-Qorti li se tinkludi kunċetti innovattivi.
Qal, “Fuq kollox b’numru ta’ faċilitajiet li jirriflettu s-soċjetà tal-lum, inkluż żoni segregati għall-vittmi u għall-imputati b’tali mod li nassiguraw li nirrispettaw ferm aktar lill-vittmi tal-kriminalità. Hemm ukoll aspett fejn se nkunu qed nittrasferixxu r-reġistru tal-kriminal hemmhekk f’din il-binja b’tali mod li nkomplu nimmassimizzaw il-binjiet li għandna fil-Belt Valletta biex naraw li nkunu nistgħu nirrispondu aktar b’mod effiċjenti għal żidiet li qed nagħmlu fir-riżorsi umani.”
B’rabta mal-infrastruttura fil-qasam ġudizzjarju, il-Ministru Attard sostna kif twettqu wkoll numru ta’ proġetti infrastrutturali, inkluż awla addizzjonali fil-Qorti tal-Familja, installazzjoni ta’ document cameras diġitali, biex jintużaw fl-awli kollha ħalli l-ġudikanti jkunu jistgħu jipproġettaw dokumenti fl-awla, inxtara u ġie installat tagħmir ta’ video conferencing, kif ukoll ġie installat u qed tiġi operata sistema ġdida ta’ Wi-Fi.
Sadanittant, b’rabta mal-Baġit għall-2024 u kif jolqot dan il-qasam, il-Ministru rrimarka allokazzjoni finanzjarja rekord hekk kif din żdiedet b’21% għal aktar minn €60 miljun.
Allokazzjoni finanzjarja li, fost oħrajn, se tkompli tagħmel tajjeb anke għat-tisħiħ li qed isir fir-riżorsa umana f’kull entità fi ħdan il-Ministeru. L-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti llum tħaddem 500 ħaddiem, żieda ta’ 32% mill-2012, 29 Court Attorney u 47 Assistent Ġudizzjarju, jiġifieri total ta’ 76 avukat ingaġġati biex jassistu l-ġudikatura.
L-Aġenzija tal-Għajnuna Legali wkoll se tara żieda sostanzjali fejn se tkun qed tingaġġa ’l fuq minn 50 avukat u disa’ prokuratur legali, li jfisser erba’ darbiet aktar mill-2012.
Qal, “Dan hu Baġit li jippermettilna nkomplu bil-programm ta’ ħidma tagħna kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tisħiħ tal-kundizzjonijiet u tar-riżorsi umani, imma wkoll l-investiment fl-infrastruttura. Imma wkoll daqstant ieħor importanti r-riformi fil-liġijiet tagħna biex inkomplu nassiguraw li dawn jiġu mmodernizzati u din hi ħidma li għandha twassal biex inkomplu mexjin lejn ġustizzja aktar effiċjenti.”
Indirizza wkoll il-konferenza s-Segretarju Permanenti Johan Galea fejn ta analiżi dettaljata tal-allokazzjonijiet tal-baġit tal-entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, fejn spjega kif dawn kollha rreġistraw żieda sostanzjali fl-allokazzjoni tal-baġit tagħhom bil-għan li nkomplu bil-mixja tagħna lejn ġustizzja effiċjenti.