Il-baġit għas-sena d-dieħla se jkompli jgħin lill-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom. Dan hekk kif mis-sena d-dieħla l-kreditu ta’ taxxa għal min jieħu lit-tfal sa 16-il sena għal terapiji, se jitla’ għal €500 għal kull wild.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Inklużjoni, Julia Farrugia Portelli, li tkellmet dwar kif din il-miżura se tkompli tkun ta’ spalla għall-ġenituri li għandhom tfal b’diżabilità.
Hi żiedet tgħid li dan il-baġit se jirdoppja din l-għajnuna minn kif kienet introdotta fil-baġit ta’ sena ilu.
Qalet, “Waħda mill-inizjattivi ta’ dan il-baġit hi, li aktar minn irdoppjajna, it-tax credit għal dawk il-ġenituri li għandhom tfal taħt is-sittax-il sena u li għandhom bżonn li jieħdu terapija addizzjonali.”
Rhoda Garland, li hi l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbilità, qalet li l-Gvern se jkompli jattwa dak li talbu l-familji, li wliedhom għandhom diżabbiltà, b’inċentivi li jkomplu jkunu ta’ spalla għalihom.
Din il-miżura ġiet introdotta għall-ewwel darba, bħala skema ta’ kreditu fuq it-taxxa li permezz tagħha ġenituri li jħallsu terapiji fil-privat għal uliedhom kienu offruti rifużjoni ta’ €200 fi kreditu ta’ taxxa.
Gharland spjegat li bħalissa s-CRPD qed tilqa’ l-applikazzjonijiet ta’ dawk il-ġenituri, li huma rreġistrati mal-Kummissjoni, li tul din is-sena, ħallsu għal terapiji għal uliedhom, għand terapisti li għandhom warrant jew liċenzja.
Qalet, “They can apply to CRPD for an application form, and we will process it and they can claim up to €200 this year, and €500 next year towards the cost of therapy sessions for their children.”
Żiedet li wieħed għandu jippreżenta kopja ta’ rċevuta fiskali pprovduta minn terapista flimkien mal-applikazzjoni.
Wieħed jista’ jikseb formola ta’ applikazzjoni billi jċempel lill-Kummissjoni fuq 22267600, jibgħat imejl jew iżur is-sit tal-Kummissjoni.
L-applikazzjonijiet, flimkien mal-irċevuta fiskali marbuta ma’ terapiji mogħtija fl-2023, għandhom jaslu fl-uffiċini tal-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Jannar.