L-ambjent huwa essenzjali għas-saħħa fiżika u mentali tan-nies. Il-ħarsien tal-ambjent mhux kapriċċ, imma dover.
Qal dan il-President ta’ Malta, George Vella waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-Green Flag Award.
Matul din iċ-ċerimonja, 43 skola ngħataw rikonoxximent talli ħaddnu s-sostenibblità fl-iskejjel tagħhom.
L-iskola primarja, St. Thomas More f’Marsaxlokk u l-Kulleġġ ta’ St Martin, ingħataw dan il-premju għall-ewwel darba.
Dan filwaqt li l-iskola ta’ St Joseph, Blata l-Bajda, u l-iskola ta’ St Joseph Mater Boni Consilii ta’ Raħal Ġdid irċevew dan il-premju għad-disa’ sena konsekuttiva.
Il-President fisser kif il-Premju Green Flag huwa ċertifikat prestiġjuż, magħruf globalment li jixhed l-isforz tal-iskejjel biex irawmu stil ta’ ħajja sostenibbli fost l-istudenti.
Żied jgħid li dan il-proġett jara l-parteċipazzjoni ta’ 20 miljun student minn madwar 59,000 skola minn 74 pajjiż differenti.
Il-President ħeġġeġ lill-istudenti biex ikomplu jkunu ambaxxaturi żgħar favur il-ħarsien tal-ambjent.