“Dan il-baġit reġa’ wera d-differenza kbira li hemm bejn iż-żewġ partiti. Id-differenza mhux biss fit-twemmin, imma iżjed minn hekk ngħid fil-kompetenza. La kienu kapaċi jipproponu xejn għall-baġit u m’għamlux pre-budget. Lanqas kienu kapaċi janalizzaw il-baġit li ppreżentajna. Mur ġibhom qed imexxu lil dan il-pajjiż.”
Innota dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, f’attività politika f’Raħal Ġdid, fejn qal li l-akbar sforz li għamlet l-Oppożizzjoni kien biex tipprova tnessi l-baġit, waqt li ma pproponiet xejn fis-suppost viżjoni ekonomika.
Dr Abela nnota kif l-uniku pjan tal-Oppożizzjoni huwa li ddawwar l-arloġġ lura għal qabel l-elfejn u tlettax.
Il-Mexxej Laburista sellem lil dawk li taw kontribut fl-okkażjoni taċ-ċentinarju mit-twaqqif taċ-Ċentru Laburista f’din il-lokalità, fejn għadda dan il-messaġġ.
“Ejja ħalli bl-attiviżmu tagħna nġibu differenza pożittiva fil-kwalità tal-ħajja tan-nies.”
Il-Prim Ministru nnota kif it-twemmin ta’ mitt sena ilu għadu relevanti sal-lum, tant li xpruna l-baġit b’żewġ prinċipji ewlenin; li jiġu megħjjuna dawk li l-aktar għandhom bżonn, u l-mobbiltà soċjali.
“Li nkunu hemmhekk għal dawk li jifilħu l-inqas fis-soċjetà tagħna. Illum ħafna nies, veru li mxew ’il quddiem, iżda hemm min għadu jeħtieġ l-appoġġ tax-xibka soċjali ta’ dan il-pajjiż. Ejja ħalli nkunu hemm dejjem għal dawn in-nies.”
Il-Prim Ministru semma kif iċ-ċavetta għall-mobilità soċjali hija l-edukazzjoni, u tkellem dwar il-ħidma tal-Gvern biex jissaħħu l-kundizzjonijiet tal-edukaturi.
“Fil-manifest elettorali għandna kelma u dik il-kelma se nibqgħu nżommuha, insostunuha li rridu nsaħħu b’mod sostanzjali l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi. Kienet kelma dakinhar, għadha kelma li għandna qed inżommuha sal-lum u hija kelma li se nżommuha. Inżid iżda li kull meta ġejna biex niddiskutu mal-ħaddiema aħna dejjem poġġejna fuq il-mejda pakkett ta’ miżuri, titjib fil-pagi u fil-kundizzjonijiet, li jtejbulhom il-qagħda tagħhom.”
Fakkar li l-Gvern saħħaħ il-kundizzjonijiet ta’ diversi ħaddiema, fosthom l-infermiera, il-qwiebel u l-Pulizija.
B’dan il-mod, il-prinċipji li waqqfu l-Partit Laburista għadhom relevanti u xprunati fil-baġit “Malta Ġusta”.
“Urejna fil-baġit kemm dan huwa partit tal-ħaddiema, kemm dan huwa partit bi prinċipji u għeruq soċjalisti. Aħna l-partit tal-ħaddiema. Żammejna l-kontijiet tad-dawl stabbli għall-familji u n-negozji tagħna. Żiedna ċ-Children’s Allowance u għamilna dan għall-familji kollha.”