Taħt xemx tiżreġ, mijiet ta’ persuni ngħaqdu flimkien biex jimxu mal-President, għall-ewwel attività li saret f’forma ta’ mixja bl-isem ta’ “Mixja mal-President”, mill-Palazz Verdala, għall-Palazz ta’ Sant’Anton u lejn il-Palazz tal-Granmastru fil-Belt.
It-tluq sar mill-Palazz Verdala fit-tlieta ta’ waranofsinhar, fejn inġabru l-maġġoranza tan-nies.
Madwar siegħa u nofs wara, il-folla ltaqgħet ma’ oħrajn li kienu miġbura ħdejn il-Palazz ta’ Sant’Anton, minn fejn telaq il-President ta’ Malta, George Vella.
Il-mixja ntemmet ħdejn il-Palazz tal-Granmastru fil-kapitali Maltija.
Tul ir-rotta, dawk li attendew, għaddew mir-Rabat, minn Ħ’Attard, minn Ħal Balzan, Birkirkara, Santa Venera, il-Ħamrun, il-Pietà, u l-Floriana.
Qabel it-tluq minn biswit il-Palazz Verdala, ONE News tkellem ma’ Rose Marie Mercieca, minn SportMalta, dwar l-għan wara din l-attività.
“Kulħadd jaf li l-attività fiżika hija importanti u l-mixi huwa importanti u tajjeb għal kulħadd biex iżżomm ’il bogħod minn mard li jiġi min-nuqqas ta’ attività u x’hemm isbaħ milli tagħmel dan ma’ iktar nies b’solidarjetà ma’ min għandu bżonn fi ħdan il-Malta Community Chest Fund Foundation?”
Rose Marie Mecieca minn SportMalta
Tul ir-rotta, diversi uffiċjali tal-Pulizija, tal-LESA, u tas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar, kienu preżenti biex jassiguraw is-sigurtà pubblika.
“Hemm il-LESA, hemm il-Pulizija, hemm is-suldati, kien hemm ukoll kumitat organizzattiv li kien magħmul mill-Uffiċċju tal-President u SportMalta, b’nies li jkunu ilhom jaħdmu biex iġibu kollox flimkien biex din tkun possibbli.”
Rose Marie Mecieca minn SportMalta
Tkellimna ma’ wħud mill-persuni li attendew bi ħġarhom għal din l-attività, qabel ma telqu jimxu.
“Ilna ħafna nieħdu sehem fiha din il-mixja, is-soltu niġruha, dis-sena se nagħmluha aktar at ease, imma anki l-iskop huwa għall-karità, temp sabiħ, tieħu gost anki tiltaqa’ man-nies, xi ħaġa sabiħa, inkunu qed nistennewha minn sena għal sena.”
“Il-Malta Community Chest Fund hija importanti, jien esperjenzajtha fin-1996, ġejt bżonnha, jiġifieri dik hija prijorità li għal għan nobbli, imma fl-istess ħin jien it-trekking jaffaxxinani, ħa nagħlaq 66 u nivvintah il-mixi.”
“Kuntenti biha l-biċċa tax-xogħol u kuntenti bit-triq li se nagħmlu.”
“Qatt m’għamilniha u dejjem xtaqna niġu u naħseb l-iktar motivazzjoni hija l-att ta’ karità biex tgħin lil ħaddieħor, niġbru l-flus biex inkomplu ngħinu lin-nies.”
“Atmosfera ta’ ferħ fil-veru sens, vera tieħu gost, għax minbarra li qed tagħmel l-exercise taf li qed tagħmilha għal kawża ġusta.”
Anki t-tfal kienu entużjasti biex jimxu f’attività li tiġbor il-flus b’risq il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund.
“Ġejt hawn għax dil-mixja hija għall-President ta’ Malta u l-President ta’ Malta huwa parti mill-Heritage u l-Heritage ta’ Malta hija waħda mit-top għax kellha ħafna affarijiet.”
“Onestament jien ġejt biss biex nimxi.”
“Ġieli mxejt mill-Kalkara saż-Żejtun tas-sitt kilometri, imdorri ħafna.”
Il-President ta’ Malta rringrazzja lil kull min attenda għal din il-mixja, li hija l-aħħar attività tax-xorta tagħha f’din il-Presidenza.
Huwa ħeġġeġ lill-pubbliku biex fl-istess spirtu ta’ solidarjetà, jieħu sehem f’attivitajiet oħra bħall-kampanja tal-BOV Piggy Bank, u l-Istrina, l-għada tal-Milied.