L-isptar ewlieni f’Gaza Al-Shifa spiċċa mingħajr fjuwil biex ikompl jħaddem l-apparat tiegħu.
Fl-istess waqt t-taqsima tal-kura intensiva tal-isptar intlaqtet mill-attakki. Konsegwenza ta’ dan żewġ pazjenti fosthom tarbija li kienu fuq il-ventelaturi mietu skont kirurgu mill-istess sptar.
L-isptar spiċċa wkoll mingħajr ikel u ilma hekk kif jinsab taħt ibbumbardjar kontinwu. Huwa żied jgħid li saħansitra dawk li qegħdin jippruvaw iħallu l-isptar qegħdin jispiċċaw vittma tal-attakki hekk kif qegħdin jinqatlu kiesaħ u biered.
S’issa għadu mhux identifikat x’kienet il-kawża tal-ħsara li ġarrab dan l-isptar.
Il-forzi Iżraeljani qalu li mhux l-għan tagħhom li jattakkaw l-isptarijiet imma weħħlu f’organizzazzjonijiet terroristiċi li skonthom sparaw kif mhux suppost.
F’aktar żviluppi, l-mexxejja Għarab u Musulmani ltaqgħu fl-Arabja Sawdija biex jiddiskutu l-aħħar żviluppi filwaqt li hu mistenni li joħorġu stqarrija konġuta favur tmiem il-gwerra.