F’Tarf L-Irdum. frażi li mal-ewwel daqqa t’għajn toħloq stagħġib lejn immaġni pittoreska, iżda li possibilment ikollha konnotazzjonijiet negattivi ta’ biża, dwejjaq u qtigħ ta’ qalb. Dan huwa t-titlu tal-kanzunetta l-ġdida mill-kantanta Priscilla Psaila. Fuq lirika ta’ Emil Calleja Bayliss, b’kompożizzjoni ta’ Mark Spiteri Lucas, u produzzjoni ta’ Cyprian Cassar minn Somnio Recording Studios, F’Tarf L-Irdum timmarka l-ewwel rilaxx wara numru ta’ snin, għal waħda mill-isbaħ vuċijiet li qatt produċa pajjiżna.
Priscilla hija wiċċ familjari għal ħafna b’parteċipazzjonijiet fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza fejn hi klassifikat mal-ewwel 3 post diversi darbi f’ l-Għanja tal-Poplu li hija rebħet flimkien ma’ Frans Baldacchino Il-Budaj bil-kanzunetta Tisimgħu Tissaħħar kif ukoll il-Malta Eurovision Song Contest li fih klassifikat fit-3 post l-ewwel sena li ħadet sehem lura fis-sena 2000 bil-kanzunetta Our Love, kif ukoll ħadet sehem fi dwett ma’ Kurt Calleja fis-sena 2010 bil-kanzunetta Waterfall sentejn qabel proprju rrappreżenta lil Malta, fost it-tliet parteċipazzjoni tagħha fih.
“L-għażla li nippubblika kanzunetta bil-Malti kienet naturali għall-aħħar, għaliex apparti li nesprimi ruħi aħjar, mill-ewwel ħassejt li dan il-messaġġ għandu jkun wieħed ċar u dirett, xi ħaġa li l-lingwa Maltija toffri.” qalet Priscilla.
Fi kliem l-awtur Emil Calleja Bayliss, “il-kanzunetta titratta dwar id-diversi problemi tal-vjolenza domestika li nisimgħu kuljum, kemm fuq l-irġiel u anke in-nisa. Tiġri fuq min tiġri dejjem ħażina. Hemm min ma jararx id-dawl u jemmen li l-unika soluzzjoni hija li ttemm ħajtek.” Rigward il-lirika pero, hu jkompli jżid li “fl-aħħar, fl-istorja l-protagonista rat id-dawl u għaldaqstant sabet l-għajnuna … b’hekk l-użu tal-frażi l-għajnuna fittixt għall-kura mmur, l-irdum warrabt.”
Dan ir-rilaxx huwa akkumpanjat minn vidjo mużikali li ġie ffilmjat kollu kemm hu minn Marlon Polidano, parti minnu ġewwa l-istudjo u parti oħra barra, veduti tassew mill-isbaħ fix-xlokk ta’ Malta.
Jekk tixtiequ tisimgħu F’Tarf L-Irdum, intom tistgħu tagħmlu dan, fuq il-mezzi tax-xandir, kif ukoll onlajn permezz ta’ YouTube. Il-kanzunetta qiegħda tiġi ppubblikata fuq il-pjattaformi kollha diġitali grazzi għal CAP-Sounds li għal darb’oħra emmnu fil-prodott Malti.