Għat-tlettax-il sena konsekuttiva, ġiet varata edizzjoni oħra tal-Festival tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ, magħruf bħala ŻiguŻajg.
Dan il-festival, fost l-oħrajn jinkludi diversi wirjiet artistiċi mfassla għal tfal sa 10 snin, fl-isfond ta’ reċtar, żfin, kant u mima, fost l-oħrajn.
Il-patruna ta’ dan il-Festival, mart il-Prim Ministru, Lydia Abela, żaret din it-tnedija, u tkellmet mat-tfal preżenti, filwaqt li enfasizzat li l-arti u l-kultura huma l-pedamenti tal-identità, u permezz tal-Festival ŻiguŻajg, it-tfal ikunu qed jitrawmu b’konnessjoni profonda u dejjiema lejn id-dinja tal-arti u l-kultura.
Se jkun maħsub ukoll b’tali mod, li jakkomoda anke tfal li għandhom xi sensittività għas-sensi, sabiex verament joħloq ambjent inklussiv.
Dr. Abela aċċennat ukoll għall-irwol importanti li l-arti għandu jkollu fl-edukazzjoni u t-trobbija tat-tfal.
Rupert Cefai, li huwa ċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Kreattività, spjega kif din l-edizzjoni se ġġib magħha għadd kbir ta’ spettakli għal tfal ta’ kull età.
Id-Direttriċi tal-Festival, Marta Vella, qalet li kull tifel u tifla, jistgħu jieħdu sehem fil-qawwa trasformattiva tal-espressjoni artistika.
Is-siparju fuq dan il-festival jinżel fid-19 ta’ Novembru, filwaqt li għal aktar informazzjoni jew biex jixtri l-biljetti, wieħed għandu jżur, www.ziguzajg.org.