Ħames persuni li qed jiskontaw sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u waslu fl-aħħar fażi tas-sentenza qabel jerġgħu lura fil-komunità, se jingħataw servizzi b’xejn ta’ terapija, fost l-oħrajn, f’dar ġdida li ġiet inawgurata fil-qalba tal-Birgu, u li se titmexxa mill-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl.
“Dar Bla Ħitan” ġiet inawgurata f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema “Malta Ġusta”, fejn ġiet spjegata l-ħidma tal-Gvern permezz tal-baġit għas-sena d-dieħla biex jissaħħu s-servizzi rijabilitattivi fil-komunità.
Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni, George Busuttil, spjega li din id-dar hija tkomplija tal-proġett “Locked Out” tal-istess Fondazzjoni, li joffri terapija tal-familja b’xejn lill-priġunieri u l-qraba tagħhom.
“Issa f’din id-dar se jkollna ħames residenti mill-ħabs li huma fl-aħħar tas-sentenza tagħhom li ħa jiġu jgħixu magħna hawnhekk u matul din is-sena, it-terapija magħhom tkun iktar intensiva biex minn hawn ma jerġgħux imorru l-ħabs, imma jmorru d-dar u jibdew jgħixu ħajja kif għandna ngħixu lkoll.”
George Busuttil – Chairperso, Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl
Iżda għaliex, “Dar Bla Ħitan”?
“Dan-nies ħafna drabi jkollhom ħitan imdawrin magħhom li ma jħalluhomx jgħixu kif għandhom jgħixu. Issa aħna li ħa nkunu qegħdin nagħmlu hawn, simbolikament, dal-ħitan se nkunu qed ngħinuhom iħottuhom. Iħottuhom huma, aħna se nkunu magħhom, ngħinuhom.”
George Busuttil – Chairperso, Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl
Din id-dar setgħet tiġi inawgurata b’ħidma u sinerġija minn diversi Ministeri tal-Gvern.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes spjega kif madwar tliet snin ilu, ġew identifikati numru ta’ proprjetajiet li kienu fi stat ta’ abbandun u li kellhom bżonn restawr.
Hawn inħass il-bżonn li jinħoloq il-kunċett ta’ akkomodazzjoni speċjalizzata.
“Qed nuru l-ewwel proprjetà li ġiet rijabilitata permezz ta’ kompetizzjoni flimkien mal-Kamra tal-Periti bl-iskop aħħari li d-disinn tagħha jindirizza l-isfidi li hemm bżonn għal dar bħal din u hawnhekk flimkien mal-priġunieri li ħa jkunu qegħdin jiskontaw jew joħorġu mill-programm tagħhom, jingħataw servizz t’għajnuna temporanja biex jerġgħu joħorġu fil-komunità.”
Roderick Galdes – Ministru
Il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri spjega kif il-Gvern qed jiffoka ħafna mill-ħidma tiegħu f’dan is-settur fuq ir-rijabilitazzjoni, kemm bl-għajnuna tal-professjonisti u anki bis-sehem tal-Gvern li jgħin fi proġetti bħal dawn, m’għaqdiet u fondazzjonijiet li jaħdmu b’risq dawn il-persuni.
Fil-fatt, issa dawn il-ħames persuni se jsibu ambjent ta’ familja u rijabilitattiv li jħejjihom aħjar għall-ħajja lura fil-komunità.
“Dawn il-persuni ħa jsibu ambjent ta’ familja, ambjent rijabilitattiv, anki permezz ta’ diversi professjonisti, però wkoll fil-komunità, li l-aħħar ftit tas-sentenza tagħhom jagħmluha fil-komunità biex jesperjenzaw dik l-imħabba li fl-aħħar mill-aħħar għandhom bżonn biex jirritornaw fil-komunità. Eżempju żgħir – meta tħabbret din id-dar fil-Birgu kien hemm ċertu xettiċiżmu nkluż min-neighbours, tifhem, illum kienu dawk il-persuni li għenu biex jarawha lesta.”
Byron Camilleri – Ministru
Fi tmiem iċ-ċerimonja, “Dar Bla Ħitan” tbierket minn Patri Dijonisju Mintoff.