L-għan tal-Gvern huwa li l-edukaturi jkollhom titjib fil-kundizzjonijiet.
Dan intqal mill-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima f’kumment ma’ ONE News, b’reazzjoni għad-direttivi mħabbra mill-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, fosthom strajk ta’ ġurnata għall-edukaturi fis-27 ta’ Novembru.
Id-direttivi tal-MUT huma mmirati lejn l-iskejjel kollha tal-Istat u tal-Knisja.
“Fuq il-mejda hemm pakkett finanzjarju li nemmnu li huwa wieħed ġust, li huwa wieħed li jirrispetta r-responsabbilitajiet tal-professjoni tal-edukaturi. Dan ma jwaqqafniex milli nkomplu naħdmu flimkien mal-istess unjin u ejja nassiguraw li dawn l-azzjonijiet imħabbra, ma jkunx hemm min jirkeb fuqhom u jattakka l-professjoni tal-edukaturi. Żġur li mhux se nippermettu li dan isir. Għandna fiduċja sħiħa li dawk kollha madwar il-mejda għandhom għan wieħed: titjib fil-kundizzjonijiet tal-edukaturi u bħala Gvern dak li ħa nkunu qegħdin naħdmu għalih u dak li rridu nassiguraw.”
Clifton Grima – Ministru
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li hemm skedata lagħqa ta’ konċiljazzjoni nhar it-Tnejn li ġej. Dan hekk kif il-Gvern hu impenjat li b’rieda tajba jkompli n-negozjati għal dan il-ftehim kollettiv.
Intqal li mhuwiex ġust lanqas fil-konfront tal-istudenti u l-familji tagħhom li, meta għaddejjin b’diskussjonijiet, jitħabbru azzjonijiet ta’ dan it-tip.
Il-Ministru fil-kumment ma’ ONE News tenna li jqis l-azzjonijiet imħabbra f’dan l-istadju mill-MUT bħala azzjonijiet li mhumiex f’lokhom.
“Ma naqbilx mat-tempistika ta’ dak li ġie mħabbar mill-unjin, l-MUT, li huma partners importanti fis-settur edukattiv u ħdimna ħafna magħhom fl-aħħar snin. Però rrid ngħid ejja nżommu l-kalma u b’mod seren biex nassiguraw Ii l-edukaturi jingħataw rikonoxximent.”
Clifton Grima – Ministru