B’investiment ta’ miljun ewro, ġiet imnedija skema ta’ inċentivi, għall-insulazzjoni tal-bjut u d-double glazing.
Dan sabiex, il-familji jkunu jistgħu jistabilizzaw it-temperaturi fi djarhom, billi jkessħu jew isaħħnu, jikkonservaw l-enerġija, u kif ukoll jibbenefikaw minn kontijiet tad-dawl irħas.
Il-Ministru għall-Enerġija, Miriam Dalli, f’konferenza tal-aħbarijiet, bit-tema ‘Malta Ġusta’, spjegat li minn din l-iskema, se jibbenefikaw madwar elf ruħ. Dan filwaqt li din l-iskema se tkun qed tkopri 50% tal-ispiża, sa massimu ta’ elf ewro.
Żiedet tgħid kif l-allokazzjoni għal din l-iskema, irduppjat, sforz l-impenn tal-Gvern sabiex il-pajjiż jimxi f’din id-direzzjoni.
L-applikazzjonijiet se jkunu miftuħa sal-aħħar tas-sena, jew sakemm jittieħdu l-fondi allokati.
Din l-iskema hija eliġibbli għal propjetajiet li diġà jeżistu, jew inkella organizzazzjonijiet kummerċjali, li ma joperawx għall-fini ta’ kummerċ
“Tista’ tittieħed jew flimkien, jew waħda minnhom. Qed nallokaw id-doppju tal-allokazzjoni li kellna s-sena li għaddiet. Nemmen li din hija waħda mill-aktar skemi li jistgħu jgħinuna biex verament inkomplu mexjin fit-tranżizzjoni ambjentali ta’ pajjiżna.”
Marjohn Abela, il-Kap Eżekuttiv tar-REWS, spjega din l-iskema aktar fid-dettall, filwaqt li rrimarka li aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mill-website servizz.gov.mt, jew inkella permezz tan-numru 153, filwaqt li l-applikazzjonijiet jistgħu jinksibu minn fuq is-sit www.rews.org.mt.
“Jingħataw għajnuna, għal roof insulation, kif ukoll dawk li jridu jbiddlu l-aperturi, biex jagħmluhom jew double glazing, jew anke triple glazing. Permezz ta’ dawn il-miżuri, wieħed ħa jiffranka mill-konsum tal-elettriku, ħa jiffrankaw mill-kontijiet tal-elettriku, u fl-istess ħin ukoll, qed nieħdu ħsieb l-ambjent, għax ħa nnaqsu l-emmisjonijiet. Dawk li jridu japplikaw, jistgħu jidħlu fil-website tagħna, www.rews.org.mt fejn jisgħu jniżżlu l-applikazzjoni u għal xi dettalji jistgħu jċemplu fuq servizz.gov jew fuq 153.”