Mtarfa Futsal telgħu jaqsmu l-ewwel post tal-klassifika tal-Enemed Women’s Futsal League meta għelbu lil University of Malta ACJ Group 7-5.
Kif jindika l-iskor, kienet logħba ferm movimentata fejn ġew skorjati 12-il gowl għalkemm it-tim mill-Imtarfa dejjem kienu fil-vantaġġ, bl-Universitarji li xorta waħda baqgħu ġejjin għalkemm kellhom joħorġu b’idejhom vojta mit-tieni konfront tagħhom.
Protagonista għal Mtarfa kienet Eliza Csik li skorjat erba’ gowls b’Kim Parnis, Demi Magrin u Charlene Cassia li għaqqdu l-iskor favur it-tim tagħhom.
University of Malta ACJ Group skorjaw il-gowls tagħhom permezz ta’ erba’ gowls ta’ Andrea Alonso Martin u gowl ieħor ta’ Marta Cabrero.
Lija Athletics B kisbu l-ewwel rebħa staġjonali meta għelbu lil Parr Mela Rockets FC 3-1. Kienet logħba fejn it-tieni tim ta’ Lija amministra tajjeb b’Parr Mela li minkejja t-tentattivi tagħhom, sabu lid-difiża avversarja tiġi megħluba biss minn awtogowl.
Lised Romero, Wendy Verbaeken u Sarah Cassar Dymond skorjaw għal Lija b’Maria Xuereb tiskorja awtogowl favur Parr Mela.
Klassifika – Mtarfa Futsal, Lija Athletics A Futsal 6, Lija Athletics B Futsal 3, University of Malta ACJ Group, Santa Margerita AFC Futsal 1, Swieqi United Futsal, Parr Mela Rockets FC Futsal 0