Ħidma mill-Gvern waslet biex fl-aħħar xhur kien hemm roħs sostanzjali fil-prezzijiet ta’ erbgħa u ħamsin mediċina.
Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela u l-Ministru għad-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, bit-tema ‘Malta Ġusta’.
Ġie spjegat li dan sar ħidma bejn l-Awtorità tal-Mediċini u l-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur. Dan wara li saret analiżi li fiha kien hemm involuti d-distributuri farmaċewtiċi lokali u internazzjonali, u wara kien hemm ftehim li wassal biex jiġu mraħħsa numru ta’ mediċini f’pajjiżna.
Apparti r-roħs fil-prezz ta’ dawn il-mediċini, għaxar mediċini ġodda tat-tip generic iddaħħlu f’Malta bi prezzijiet vantaġġużi.
Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega li l-isfidi internazzjonali ħallew impatt negattiv fuq il-manifattura ta’ bosta mediċini. Intqal ukoll kif l-Unjoni Ewropea għaddejja b’ħidma biex iżżid l-impjanti farmaċewtiċi biex ma tibqax dipendenti fuq pajjiżi terzi.
Il-Ministru Abela spjega li r-roħs huwa reġistrat f’mediċini li jikkuraw firxa wiesgħa ta’ mard bħad-dijabete, il-pressjoni għolja, fibromyalgia, aċidu fl-istonku, il-kolesterol għoli, antibijotiċi, l-osteoporożi u psiko-farmaċi. Ir-roħs ivarja bejn 9% u 54%. Fil-każ tal-mediċina tafamidis, li tintuża f’pazjenti b’mard rari ta’ newropatija, sar roħs li jammonta għal €1,900.
“Il-Prim Ministru stess tkellem dwar dan il-ftehim, ftit tal-ġranet ilu fil-Parlament. Dan huwa ftehim li ħa jwassal għal roħs fuq 54 mediċina f’pajjiżna. Mediċina ta’ kwalità li issa saret aktar affordabbli.”
Jo Etienne Abela – Ministru
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli faħħret il-ħidma li saret li waslet għar-rebħa oħra favur il-konsumatur.
“Din hija rebħa favur il-konsumatur Malti u Għawdxi u turija ċara tal-ħidma konsistenti tal-Gvern biex kif għamel dan il-baġit, nibqgħu qrib il-familji tagħna u naraw kif il-konsumatur jitnaqqaslu mill-piż tiegħu.”
Julia Farrugia Portelli – Ministru