Il-protesti fil-konfront ta’ Roberta Metsola għall-aġir tagħha b’rabta mal-gwerra fil-Lvant Nofsani komplew jiddominaw l-aħbarijiet mhux biss f’Malta iżda wkoll barra minn xtutna.
Dan hekk kif barra l-Parlament Ewropew fi Brussell – jiġifieri l-istituzzjoni li tagħha Metsola hija President, bosta inġabru jipprotestaw biex Metsola u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, ibiddlu l-pożizzjoni tagħhom dwar dak li qed jiġri fil-Lvant Nofsani.
Dan hekk kif l-Iżraeljani qed jattakkaw fost oħrajn l-Istrixxa ta’ Gaza, fejn inqatlu eluf ta’ persuni ċivili.
Id-demostranti kellhom banner bil-messaġġ “Partners in Crime” b’referenza għal-Metsola b’mod partikolari. Persuni kellhom ukollidejhom b’żebgħa ħamra, minħabba l-ħajjiet li qed jintilfu u t-tixrid tad-demm li qed jiddomina fil-Palestina.
Dawn id-demostranti appellaw ukoll biex ikun hemm il-waqfien mill-ġlied.
Din il-protesta saret wara li xahar ilu, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qabdu u marru l-Iżrael, mingħajr il-kunsens tal-istituzzjonijiet Ewropej.
Sadanittant, saret protesta oħra b’rabta mal-istess aġir minn Metsola fil-Parlament Ewropew mill-Membri Parlamentari Ewropej. Fost dawn kien hemm l-Ewroparlamentari Laburisti Alex Agius Saliba, Josianne Cutajar u Cyrus Engerer, fejn hawnhekk kien hemm l-appell għall-waqfien mill-ġlied biex ma jkomplux jintilfu aktar ħajjiet.
Meta żaret l-MCAST f’Raħal Ġdid, ftit tal-jiem ilu, l-Ewroparlamentari Nazzjonalista u viċin l-establishment, Roberta Metsola ntlaqgħet minn grupp ta’ studenti li fi protesta akkużawha li hi responsabbli għall-ġenoċidju li qed jitwettaq fl-Istrixxa ta’ Gaza.
Dakinhar hija ħarbet mill-istudenti u l-ġurnalisti billi ħarbet mill-garaxx tal-istess kulleġġ.