Aktar minn mija, ħamsa u tletin elf metru kwadru ta’ art ekwivalenti għal sitt mitt plott ta’ appartamenti, se jkunu qegħdin jiġu rriġenerati fi spazji miftuħa.
Dan kollu se jkun mifrux fuq erba’ proġetti ta’ riġenerazzjoni u afforestazzjoni ta’ importanza nazzjonali fil-Fgura, Bormla, Baħar iċ-Ċagħaq u Birżebbuġa.
Dan l-investiment se jkun qiegħed ifisser li fuq tliet snin, mill-2022 sal-2024, pajjiżna se jkollu ‘l fuq minn tlett mija, ħamsa u għoxrin elf metru kwadru ta’ spazji miftuħa ġodda u riġenerati.
Dawn il-proġetti tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta Ġusta’ u se jkunu implimentati mill-aġenzija Project Green.
Fil-fatt, kien il-Kap Eżekuttiv ta’ din l-aġenzija Steve Ellul, li nnota li tnejn minn dawn l-erba’ proġetti se jkunu qegħdin isiru fiż-żoni li huma fost l-aktar urbani f’pajjiżna.
“Sabiħ ukoll li naraw parks bħal dawn fiż-żoni l-aktar urbanizzati, ġewwa l-Fgura u anka Ġnien Kottoner ġewwa l-Kottonera ser naraw mitt elf metru kwadru ta’ spazji miftuħa li se jkunu qegħdin igawdu n-nies. Id-daqs biex kulħadd jifhimni ta’ darbtejn il-picnic area ta’ Ta’ Qali propju ġewwa l-Fgura u ġewwa l-Kottonera.”
Huwa nnota kif apparti x-xogħol tanġibbli fuq il-proġetti se jkun hemm allokazzjoni wkoll fuq installar ta’ sistemi ta’ manutenzjoni u anki sorveljanza tal-proġetti nfushom.
Dawn il-proġetti jingħaqdu mal-estensjoni li se tirdoppja l-art tal-Park tal-Familja f’Bengħajsa, Birżebbuġa li nfetaħ din is-sena u l-proġett f’Baħar iċ-Ċagħaq li se jkun qiegħed jinkludi fost l-oħrajn żona għall-pikniks.
Il-Ministru responsabbli mill-ambjent, Miriam Dalli saħqet li dawn l-ispazji se jservu biex ikomplu jintlaħqu l-aspirazzjonijiet tal-poplu Malti u Għawdxi permezz ta’ livell ta’ għajxien ogħla.
“Dan il-Baġit ra li jalloka ħafna aktar mid-doppju li allokajna s-sena li għaddiet fejn jidħlu spazji miftuħa, b’kollox hemm allokazzjoni ta’ madwar €33 miljun biex naraw li jkollna aktar ġonna, aktar spazji miftuħa f’pajjiżna u hekk ser nibqgħu naħdmu s-sena d-dieħla u anki fis-snin ta’ wara.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonnett spjega kif il-Fondi Ewropej jimxu id f’id mal-fondi nazzjonali vvutati fil-Baġit għas-sena d-dieħla u b’hekk l-allokazzjoni tagħhom ukoll se tkun qed tirrifletti l-politika tal-Gvern li qed tagħti dejjem aktar importanza lill-qasam ambjentali.
Bonett ħabbar investiment addizzjonali ta’ għaxar miljun ewro ta’ fondi Ewropej fil-qasam ambjentali.
“Huwa importanti mmens għaliex il-Fondi Ewropej aħna ma nħarsux lejhom bħala fondi separati mill-fondi nazzjonali. Aħna għandna kejk sħiħ nazzjonali li magħmul mill-fondi nazzjonali u Ewropej u bihom il-Gvern jipproġetta imbagħad fejn se jkunu l-investiment u bħalma ċċara l-viżjoni, l-Prim Ministru permezz tad-diskors li għamel it-Tlieta li għaddew inti tara wkoll kif l-ambjent se jieħu d-dimensjoni importanti mmens f’dak kollu li huwa x-xogħol tal-Gvern.”