F’Diċembru li ġej, waħda mil-Baned Maltin ser tkun qed tivvjaġa għal-Belt tal-Vatikan f’Ruma bejn il-5 u t-8 ta’ Diċembru 2023.
Is-Soċjetà Mużikali Trinità Qaddisa l-Marsa A.D. 1949 ser tirrapreżenta lil Malta kif wkoll lil Marsa f’dan il-ġemellaġ tagħha li ser tagħmel f’għeluq l-75 sena mit-Twaqqif ta’ din is-Soċjetà. Din l-Banda ġiet mistidna mil-E.T. Frank Zammit l-Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede.
Il-Banda mistennija timxi ma’ dan il-programm ġewwa Ruma:
· Nhar is-6 ta’ Diċembru l-Banda ser iddoqq fil-Pjazza tal-Vatikan qabel l-Udjenza Ġenerali ta’ nhar t’Erbgħa. Wara tiltaqa mal-Q.T l-Papa Fraġisku u jittieħed rittrat kommemorativ.
· Il-Ħamis 7 ta’ Diċembru, l-Banda se żżur il-Bażilika ta’ San Andrea Della Valle, t-tieni l-akbar Bażilika ġewwa Ruma. Ser jittelgħa Kunċert prestiġjuż fil-preżenza ta’ Prelati u dinjitarji oħra, fosthom l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Vatikan. Ser isiru wkoll żewġ diskorsi, wieħed mill-Ambaxxatur Malti għall-Vatikan u l-ieħor mic-Chairman tal-Malta Tourism Authority.
· Il-Ġimgħa 8 ta’ Diċembru, fis-Solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni, il-Banda ser iddoqq fil-Pjazza tal-Vatikan u wara nofsinhar ser nattendu għaċ-ċelebrazzjoni li l-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku jagħmel fi Pjazza di Spagna quddiem l-istatwa ta’ Ommna Marija l-Immakulata.
Din is-Soċjetà tinsab onorata immens li ser tirrapreżenta lil Marsa f’ Ruma kif wkoll tinsab ħerqana sabiex tiċċelebra bil-kbir l-75 sena mit-Twaqqif tagħha.