Missier ta’ tlett itfal li ma jaħdimx u li għandu l-vizzju tad-droga, inħeles mill-arrest sakemm jingħata s-sentenza, wara li ammetta sensiela ta’ serq minn supermarkets.
Ir-raġel ta’ sebgħa u tletin sena minn Birżebbuġa, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti biex tiġi protetta l-identità tat-tfal – li tnejn minnhom għandhom bżonnijiet speċjali – kien identifikat bħala s-suspettat ta’ numru ta’ serqiet.
Fil-fatt, fl-awla ġew esebiti filmati minn kameras tas-sigurtà li wasslu għall-identifikazzjoni tas-suspettat.
L-ewwel wieħed kien supermarket f’Santa Venera, li minnu, f’żewġ okkażjonijiet, insterqu flus kontanti u xi oġġetti – bil-valur jammonta għal aktar minn elfejn u tliet mitt ewro.
It-tielet serqa seħħet minn ġo supermarket fiż-Żejtun.
Ir-raġel ammetta wara li kkonsulta mal-avukat, u kkonferma l-ammissjoni tiegħu anki wara li ngħata ħin biex jikkunsidraha.
Meta l-avukat difensur talab lill-Qorti biex il-midja ma tippubblikax isem ir-raġel, qabeż l-imputat innifsu, li spjega kif għandu tlett itfal, li tnejn minnhom għandhom bżonnijiet speċjali u diġà ġew ibbuljati fl-iskola.
Is-sentenza se tingħata f’Diċembru u l-imputat inħeles mill-arrest fuq garanzija personali ta’ tlett elef ewro u xi kundizzjonijiet oħra, fosthom li jiffirma f’għassa tliet darbiet f’ġimgħa u jkun id-dar f’ċertu ħinijiet.