Raġel ta’ tnejn u sittin sena ċaħad li ta daqqiet ta’ sikkina lir-raġel ta’ oħt il-mara f’inċident li seħħ ix-xahar li għadda.
Quddiem il-Maġistrat Abigail Critien, ir-raġel ġie akkużat li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq ir-raġel bi strument li jaqta’ u bil-ponta, u li kien qed iġorr sikkina fil-pubbliku bla permess.
Il-każ seħħ fis-sbatax t’Ottubru, meta fl-għassa tal-Pulizija tal-Mosta daħal rapport ta’ ġlieda f’appartament. L-uffiċjali marru fuq il-post u sabu li l-imputat weġġa’ ħafif lir-raġel t’oħt martu.
Huwa ġie arrestat iżda nħeles fuq il-police bail biex jirċievi trattament fl-Isptar Monte Carmeli, u reġa’ ġie arrestat meta ħareġ mill-isptar.
Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju. Huwa se jibqa’ jinżamm fl-Isptar Monte Carmeli biex jingħata t-trattament li għandu bżonn.