Fl-aħħar jumejn, il-poplu sema’ d-diskorsi tal-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni, li jikkuntrastaw għal kollox.
Id-diskors tal-qim Ministru jixhed l-istabbiltà f’pajjiż li se jibqa’ miexi b’saħħtu fid-direzzjoni t-tajba minkejja l-isfidi globali bla preċedent u fuq in-naħa l-oħra, id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni jixhed kif il-Partit Nazzjonalista mhux talli ma joffrix viżjoni għal dan il-pajjiż iżda lanqas biss kapaċi jżomm stabbiltà fil-Partit tiegħu stess.
Dan qaluh il-Ministru Clayton Bartolo u d-Deputat Michael Farrugia waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista, fejn saħqu kif id-differenza bejn iż-żewġ Mexxejja hija l-kredibilità.
Id-Deputat Michael Farrugia spjega l-kuntrast fil-viżjoni bejn iż-żewġ mexxejja u kif il-Kap tal-Oppożizzjoni spiċċa iżolat fil-kritika tiegħu stess.
Qal, “Ilbieraħ il-Prim Ministru għall-kuntrarju wera l-ħila fit-tmexxija ekonomika u analiżi komprensiva tal-ekonomija u tas-socjetà.”
Il-Ministru Clayton Bartolo semma kif minflok politika ta’ awsterità, il-Gvern adotta politika ta’ fiduċja fin-nies.
Qal, “Adottajna politika tal-fiduċja fin-nies. Minkejja l-isfidi pajjiżna jibqa’ l-uniku pajjiż fl-Ewropa li qed jipproteġi lill-familji u lin-negozji mill-piż il-kbir tal-prezzijiet tal-enerġija, ħaddieħor quddiem l-isfidi spiċċaw kellhom iġorru dawn il-piżijiet in-nies.”
Dwar l-Oppożizzjoni, iż-żewġ kelliema nnutaw kif qatt ma tista’ tittieħed bis-serjetà, speċjalment għax din is-sena lanqas dokument ta’ qabel il-baġit ma ppreżentaw.