Tħabbret il-mewt tal-Belti Pawlu Curmi magħruf bħala l-Pampalun jew ir-Re tal-Karnival, fl-età ta’ 92 sena.
Pawlu kien raġel ferrieħi u fil-jiem tal-Karnival żgur li kont se tarah għall-briju u x-xalar fit-toroq tal-Belt Valletta.
Fuq il-midja soċjali, bosta qed jiktbu dwar it-telfa ta’ Pawlu Curmi u qed isemmu l-legat li dan ħalla warajh partikolarment fit-tradizzjoni Maltija tal-Karnival.
Fil-Karnival tal-2021, il-poster uffiċjali tal-Karnival Malti kien b’wiċċ Pawlu li anke huwa meqjus bħala missier il-Karnival Malti.
Kien sar ukoll karru tal-Karnival b’wiċċu.
Il-Pampalun twieled fit-12 ta’ Diċembru tal-1930, u huwa ż-żgħir fost disa’ subien, kien miżżewweġ lil Doris Zarb u kellu żewġt itfal – John u Carmen.
Kien fl-1950 li Pawlu Curmi beda jipparteċipa fil-karnival u ftit wara anke fforma l-kumpanija tiegħu, illum bl-isem ta’ ‘Paul Curmi & Christopher Caruana Carnival Dance Company’.
Iżda l-Pampalun ma kienx involut biss fil-Karnival, hekk kif kien jilgħab il-futbol mal-Valletta Vanguards u ħadem sabiex jitwaqqaf il-Marsamexett Regatta Club.
Huwa kien ukoll mużiċist u żeffien.
Permezz ta’ Twitter il-Prim Ministru Robert Abela qal kif il-kontribut li ta Pawlu Curmi għall-kultura Maltija fil-Karnival ma jintesa qatt u rringrazzjah tal-marka ferriħija li ħalla fuq il-poplu Malti u Għawdxi.
Il-kontribut enormi li ta Pawlu Curmi għall-kultura Maltija fil-Karnival ma jintesa qatt. Grazzi tal-marka ferriħija li ħallejt fuq il-poplu Malti u Għawdxi. – RA pic.twitter.com/uwXwHnToje
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) November 8, 2023
Intant, id-Direttur Artistiku tal-Karnival f’Malta Jason Busuttil sellem ukoll il-memorja ta’ Pawlu Curmi u qal kif illum il-Karnival tilef lil missieru; “Grazzi ta’ kemm għallimt nies li llum għadhom jaħdmu fil-Karnival, grazzi ta’ kemm ferraħt nies biż-żfin uniku tiegħek u bil-mużika, ikona, leġġenda, umli u dejjem ferħan. Insellimlek.”
Il-funeral ta’ Pawlu Curmi, se jsir nhar is-Sibt li ġej fl-10 ta’ filgħodu fis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu l-Belt.