Fi żmien li ġej se jkunu introdotti regolamenti ġodda dwar it-temping agencies, l-aġenziji li jġibu l-ħaddiema barranin jaħdmu f’pajjiżna. Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul, waqt konferenza tal-aħbarjiet bit-tema ‘Malta Ġusta’, li spjegat id-diversi miżuri mill-Baġit għas-sena dieħla.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul qal li liġi, li se tkun varata fil-ġimgħat li ġejjin, se tara l-introduzzjoni ta’ liċenzja biex tkun tista’ ġġib il-ħaddiema barranin lejn pajjiżna.
Dr Ellul qal li biex tinħareġ din il-liċenzja, irid ikun hemm numru ta’ rekwiżiti li wieħed irrid jissodisfa u żied jgħid li l-għan ta’ din il-liġi hu li jinħoloq settur serju mingħajr ma jfixkel lis-suq.
“Din il-liġi se tassigura li f’pajjiżna jkun hemm ħaddiema ta’ kwalità li jaħdmu f’setturi fejn vera jkun hemm bżonn. Min irid jopera f’dan is-settur irid jikseb liċenzja li tissodisfa ċerti rekwiżiti. Se nagħmlu settur li se jaħdem f’qafas legali robust.”
Andy Ellul – Segretarju Parlamentari
Miżura oħra, li ġiet elenkata waqt din il-konferenza, hi r-reviżjoni fil-Wage Regulation Orders, biex jiġu indirizzati d-diskriminazzjonijiet li jeżistu f’dan is-settur.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-għan wara dawn l-emendi jirriflettu d-dinja moderna tax-xogħol, filwaqt li jindirizzaw anomaniji li ilhom snin jeżistu.
Fakkar ukoll fil-ftehim storiku li ġie iffirmat ftit tal-ġimgħat ilu li wassal għal żieda fil-Paga Minima Nazzjonali wara li f’Marzu ta’ din is-sena nħatret il-Low Wage Commission, li ġabet flimkien l-imsieħba soċjali u rappreżentanti tal-Gvern biex tipproponi kif kellha ssir din iż-żieda. Hawn intqal li xogħol ta’ din il-Kummissjoni se jibqa’ għaddej.
Ellul ħabbar ukoll li s-sena d-dieħla, il-Gvern se jkun qed iwaqqaf aġenzija ġdida li se tiffokka biex ikompli jissaħħaħ il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika. Din l-aġenzija se tkun qed tiġbor l-informazzjoni dwar it-temi li qed jiġu diskussi fuq livell tal-Unjoni Ewropea.
L-aġenzija se sservi wkoll ta’ appoġġ għall-imsieħba soċjali, għax se tkun qed taħdem id f’id mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD.
“Se tkun qed tiġbor fiha d-Dipartiment tal-Konsultazzjoni Pubblika li dejjem ħadem u ħadem tajjeb. L-għan aħħari hu li jkollna kollox miġbur taħt entità waħda li jkollha riżorsi neċessarji u li tkun mgħammra bl-aqwa teknoloġija.”
Andy Ellul – Segretarju Parlamentari