Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, qal li pajjiżu se jkollu r-responsabbiltà tas-sigurtà ta’ Gaza ġaladarba jintemm il-ġlied.
F’intervista, Netanyahu rreżista wkoll sejħiet għal waqfien mill-ġlied minkejja li qal li jista’ jkun hemm waqfiet umanitarji biex titħalla tidħol l-għajnuna u joħorġu l-ostaġġi Iżraeljani.
Illum jimmarka xahar minn meta l-Hamas attakkaw lil Iżrael fis-sebgħa t’Ottubru, fejn inqatlu aktar minn elf u erba’ mitt persuna u nżammu ostaġġi aktar minn mitejn oħra.
Il-militar ta’ Iżrael irrisponda b’attakki mill-ajru f’Gaza, li fl-aħħar jiem komplew jintensifikaw.
Aktar minn għaxart elef persuna nqatlu f’Gaza, inkluż erbat elef tifel u tifla; skont il-Ministeru mmexxi mill-Hamas.
Il-Kap tal-Ġnus Magħquda, Antonio Guterres wissa li Gaza qed issir “ċimiterju għat-tfal”, u l-bżonn ta’ waqfiet mill-ġlied umanitarju qed isir aktar urġenti ma’ kull siegħa li tgħaddi.