Bernard Grech fisser l-allokazzjoni ta’ €350 miljun favur aktar sussidji fil-prezzijiet tad-dawl u l-ilma bħala daħq fil-wiċċ. Il-Kap Nazzjonalista qal dan hekk kif jinsab għaddej bir-replika tiegħu dwar il-Baġit għas-sena d-dieħla.
Fir-replika tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla jesponi l-politika ta’ negattività li jħaddan il-Partit Nazzjonalista hekk kif issokta b’attakk insensat fil-konfront tal-aktar baġit soċjali, li ħabbar il-Gvern proprju ġimgħa ilu.
Fost l-għajjat u l-isteriżmu, Bernard Grech attakka is-sussidji tal-Gvern b’rabta mal-prezz tal-enerġija. Sussidji li f’sentejn se jammontaw għal nefqa ta’ kważi biljun ewro.
Bernard Grech: “Għax issussidja l-enerġija u aħna ngħidulu tkomplux tipprovaw tidħku bil-poplu.”
Sadanittant, id-diskors ta’ Bernard Grech kompla jikxef in-nuqqas ta’ preparazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fuq suġġetti importanti, mhux l-inqas fil-finanzi tal-pajjiż.
Fil-fatt, għal darb’oħra, il-Kap Nazzjonalista nqabad iħawwad fiċ-ċifri.
Bernard Grech: “B’€10 biljun, jiġifieri elf miljun ewro… €10,000 miljun, anzi biex inkun preċiż.”
Dan it-taħwid hu sintomatiku anke tad-Deputati tal-Oppożizzjoni li huma responsabbli minn dan l-istess qasam. Tali taħwid deher fl-aħħar jiem, anke meta l-Partit Nazzjonalista nieda s-suppost viżjoni ta’ eċċellenza tiegħu. Dan meta, flok il-Pre-Budget Document, nieda power point presentation bi ftit slides, fejn il-kelliema uffiċjali tiegħu lanqas kienu kapaċi jispjegaw il-bażiku.
Iżda għal Bernard Grech, il-Partit Nazzjonalista lest li jiggverna.
Bernard Grech: “Aħna lesti niggvernaw.”
Sadanittant ftaħar bil-politika tal-aħħar Gvern Nazzjonalista, dak li għabba l-akbar piżijiet fuq il-familji u n-negozji, fi żmien li l-isfidi lanqas kienu jibdew ma’ dawk li qed tiffaċċja l-Ewropa, b’Malta inkluża, illum il-ġurnata.
Bernard Grech: “Kif konna nagħmlu aħna fil-Gvern. / Kemm kellha raġun l-aħħar amministrazzjoni ta’ Gvern Nazzjonalista.”