Dik li darba kienet id-dar fejn għex u ħadem Mattia Preti fil-qalba taż-Żurrieq, ġiet inawgurata bħala Ċentru tas-Snajja’, biex tkompli trawwem aktar tfal u żgħażagħ f’dawn it-tradizzjonijiet.
Iltqajna ma’ Brian Bugeja, flimkien ma’ xi żagħżagħ li qed jitħarrġu f’dan iċ-ċentru, li huwa wkoll akkreditat mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, bħala edukazzjoni informali.
F’dan iċ-ċentru, l-istudenti jitgħallmu s-snajja’ tal-ħaddieda, it-3D printing u l-inġinerija, fost l-oħrajn, kemm b’mod prattiku, u anke b’mod teoretiku.
Brian qalilna li kollox beda minn idea li nibtet seba’ snin ilu, meta ddeċieda li jagħmel replika tal-iskejjel tas-snajja’ kif kienu qabel u ħa l-passi neċessarji biex l-iskola tiġi akkreditata.
Żied jgħid li grazzi għall-Kunsill Lokali taż-Żurrieq, ingħatat din id-dar biex ikun iffaċilitat it-tagħlim.
“L-istudenti jitgħallmu l-bażiku tas-snajja’ tal-inġiniera, jibdew mit-teorija, mis-sigurtà, l-aktar ħaġa importanti. Imbagħad jiġu hands-on fuq il-magni, li jkunu apposta u siguri, u minn hemm tintebaħ li l-istudent għandu xi ħaġa fih. Mhux kulħadd maħluq għall-istess ħaġa. Min iħobb fuq skrivanija, min iħobb jagħmel ix-xogħol b’idejh.”
Għal skopijiet ta’ sigurtà, ma jistax ikun hemm aktar minn żewġ studenti f’daqqa.
Fl-aħħar tal-kors, l-istudenti jkunu ħolqu mekkaniżmu ta’ arloġġ, permezz tad-diversi snajja’ li jkunu ġew imħarrġa fihom.
Javen Vella, li għandu 14-il sena u jinsab fir-raba’ sena tas-sekondarja, stqarr magħna li s-snajja’ huma ferm għal qalbu, u permezz ta’ dan iċ-ċentru, jista’ jkompli jimxi ’l quddiem.
“Is-snajja’ hija importanti, għax inqatgħet minn kollox. Grazzi għal Brian Bugeja, qed nitgħallmu kif nagħmlu plakka, u ħafna affarijiet oħra, anke nużaw it-thorn. Hija importanti għax m’hawnx min jgħallem u hekk inkunu nafu x’inhi s-snajja’ veru.”
Is-Sindku taż-Żurrieq, Rita Grima, spjegatilna l-istorja u l-iskop wara dan il-post, li saħansitra kien iservi bħala Kunsill Lokali.
“Jiġu t-tfal jitgħallmu. Uħud minnhom ma togħġobhomx l-iskola akkademika, imma hawnhekk veru tfal bravi. Inħeġġeġ lil dawk it-tfal li jridu jiġu jitgħallmu hawnhekk, jikkuntattjaw lil Brian u din l-iskola hija akkreditata grazzi għall-Ministeru tal-Edukazzjoni.”