Luke Galea ta’ dsatax-il sena mis-Siġġiewi, baqa’ jinżamm arrestat, wara li tressaq il-Qorti talli allegatament ta daqqa ta’ ponn lil iben is-sieħba tiegħu ta’ sena u nofs, u attakka lilha u liż-żewġ uliedha bniet ta’ sitta u erba’ snin.
Iż-żagħżugħ ġie akkużat li attakka lis-sieħba u lil uliedha fit-tnejn u għoxrin ta’ Settembru li għadda, qabel ma attakka lil binha l-għada, meta allegatament ikkaġunalu ġrieħi ħfief u anki hedded lill-mara.
L-imputat, li qal fil-Qorti li waqaf jaħdem riċentament, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
L-Ispettur Audrey Micallef qalet lill-Qorti li fl-erbgħa u għoxrin ta’ Settembru li għadda, il-Pulizija rċeviet rapport mill-omm li allegat li jumejn qabel, kellha argument mas-sieħeb tagħha, li mhux missier uliedha.
L-argument eskala għall-punt li l-imputat allegatament attakka lill-mara b’wajer ta’ ċarġer tal-mowbajl, qabel ma mbagħad sawwatha b’umbrella u lembuba. Il-mara qalet lill-Pulizija li dakinhar, l-imputat attakka anki lit-tliet uliedha.
Il-koppja rranġat wara l-argument u l-mara ħallietu jirritorna f’darha, iżda l-vjolenza ssuktat ftit wara meta s-sieħeb tagħha ta daqqa ta’ ponn lil binha f’wiċċu.
L-Ispettur spjegat li meta għamlet ir-rapport, il-mara kellha ġrieħi viżibbli.
Dan il-każ qed jiġi segwit ukoll mid-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal, li tkellmu mat-tfal u anki mar-raġel.
Il-validità tal-arrest ma ġietx ikkontestata u ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju.